Aġġornata | Animal Guardians jallegaw nuqqasijiet serji mill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali

L-għaqda qed tallega li l-Ministeru għall-Ħarsien tal-Annimali qed jipprova jneħħi l-operat tal-għaqda minn San Vinċenz de Paul

L-għaqda Animal Guardians Sanctuary qed tgħid li l-'Cat Cafe' tagħha fi ħdan l-Isptar San Vinċnez de Paul tkissret mill-perit inkarigat mill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali.

L-għaqda mhux Governattiva qed issostni li s-servizzi għall-ħarsien tal-annimali qed jeqirdu din il-faċilità tagħhom li tinsab f’San Vinċenz de Paul.

L-għaqda ilha tmexxi din il-caffeteria għal dawn l-aħħar seba’ snin u provdiet servizzi fi ħdan il-‘Cat Cafe’ għall-anzjani u ż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali. Din hija l-istess cafetteria li ġiet inawgurata mill-ex Ministru għall-Anzjani, Justyne Caruana lura f’Ġunju tal-2016.  

Permezz ta’ stqarrija, Animal Guardians Sanctuary qed tisħaq li l-entrata tal-caffeteria ġiet meqruda u qed tingħata prominenza għall-bini tal-proġett tal-biedja li qed isir maġenb il-caffeteria mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ġewwa San Vinċens de Paul. 

Barra minn hekk l-istess organizazzjoni qed issostni li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed imorru kontra l-għan tagħhom stess hekk kif qed jagħmlu minn kollox biex joqtlu l-qtates li jabitaw hemm sabiex iż-żona tkun tista’ tintuża għall-proġett tal-biedja. 

L-istess stqarrija tkompli tgħid li l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali u l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul pprojbixxewhom milli jużaw it-triq prinċipali li twassal għall-caffeteria, wara li ma saritx karriġjata għall-organizazzjoni. Din, skont l-għaqda, wasslet għal diversi inkonvenjenzi għal numru ta' voluntiera u ġenituri ta' tfal bi bżonnijiet speċjali.

Risposta mill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali

Intant, il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali ħareġ stqarrija fejn ċaħad l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tiegħu.

"Il-Ministeru mhu qed jagħmel l-ebda proġetti fiż-żona msemmija u għaldaqstant żgur li ma ngħataw l-ebda struzzjonijiet min-naħa tal-istess Ministeru," temm jgħid il-Ministeru.

More in Socjali