Il-kunċert mużikali SummerDaze qed jerġa' jittella' wara nuqqas ta' sentejn

Waqt żjara li għamel f’Ta’ Qali, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li kollox qiegħed jindika li l-attendenza għal dan il-festival mistennija tilħaq is-70,000 persuna

Għaddejjin b’ritmu tajjeb l-aħħar preparamenti għar-ritorn tal-kunċert mużikali SummerDaze Festival wara nuqqas ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija.

Dan il-festival mużikali mifrux fuq sebat ijiem se jilħaq il-qofol tiegħu f’Ta’ Qali nhar it-Tnejn 15 t’Awwissu, bis-sehem tal-artisti internazzjonali Anne-Marie, Bastille, Elderbook, G-Eazy u Jason Derulo, kif ukoll fis-17 t’Awwissu b’kunċert ieħor bil-parterċipazzjoni ta’ Deejay Times’s Albertino, Fargetta, Molella & Prezioso, J AX, Baby K, Corona, ICE Mc u Meduza.

Għal din is-sena, il-prezz tad-dħul għal dawn il-kunċert ser ikun ta’ €3.00 bil-għan li ma’ kull biljett il-persuni li jattendu dawn l-avvenimenti jingħataw tazza li tista’ tintuża aktar minn darba biex jiġi evitat l-użu tal-plastik.

Waqt żjara li għamel f’Ta’ Qali, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li kollox qiegħed jindika li l-attendenza għal dan il-festival mistennija tilħaq is-70,000 persuna.

“SummerDaze hija attività oħra li permezz tagħha pajjiżna qiegħed ikompli jkun fost l-aktar pajjiżi attraenti fejn jidħol it-turiżmu festiv. Matul dan is-sajf u anke għax-xhur li ġejjin irridu nkomplu noffru prodott kulturali ta’ kwalità  kompetittiv u fuq kollox versatili. Nisħaq li l-kwalità hija important għaliex it-turisti u anke l-Maltin jixraqilhom li f’pajjiżna jkollhom attivitajiet ta’ livell għoli u professjonali – prodott kompetittiv biex inkomplu nkunu destinazzjoni versatili għal kull min irid iżur il-gżejjer Maltin,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Huwa żied jgħid li l-aħbar riċenti maħruġa mill-Eurostat turi kif Malta hija fost l-aqwa pajjiżi Ewropej li tattira turisti matul is-sena kollha, u qal li dan huwa ċertifikat ħaj li l-pjan ta’ rkupru għas-settur turistiku jinsab fid-direzzjoni t-tajba.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.

More in Socjali