Filmat | 'X'se nagħmlu bl-embrijuni morda? Se narmuhom? Il-ħajja tibda mit-tnissil' - L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna bi kliem iebes kontra d-diskussjoni fil-Parlament dwar id-dijanjosi preġenetika tal-embrijuni

L-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna kellu kliem iebes kontra l-fatt li bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti emendi ġodda fil-liġi tal-IVF b'mod partikolari dwar id-dijanjosi preġenetika tal-embrijuni.

Fi kliem sempliċi, dan il-protokoll iwassal biex ġenituri prospettivi li jirrikorru għall-IVF, qabel l-implamntazzjoni, ikunu jistgħu jagħżlu dawk l-embrijuni li ‘jkunu ħielsa’ minn xi mard ereditarju.

Waqt l-omelija tiegħu, fil-quddiesa li tixxandar kuljum mill-Kurja, l-Arċisqof insista li l-ħajja tibda mit-tnissil. 

"Anke jekk ikun hemm xi ħadd bil-kullar li jikkwota xi filosfi jew xi għaref li jgħidu li l-ħajja ma tibdix mit-tnissil, it-tagħlim huwa ċar ħafna. Il-ħajja umana tibda mit-tnissil u rridu nirrispettawha hi min hi u f'liema ċirkostanza hi," kompla l-Arċisqof.

Indirizza direttament lill-Memrbi Parlamentari u rrefera għad-diskussjoni fuq l-emendi tal-IVF. 

"Bħalissa qed tiddiskutu, bl-iskuża li jkollna trabi b'saħħithom, li niċċekjaw jekk humiex morda jew le. Ix-xjenza hija għarfa u tgħinna. Imma dawk li huma morda x'se nagħmlu bihom? Narmuhom?", kompla jistaqsi l-Arċisqof.

Kompla jisħaq li anke jekk hemm ħames embrijuni u waqt dan il-proċess ta' dijanjosi preġenetikan jinqatel embrijun wieħed, huwa ħażin għax dik hija ħajja.

"Biex tiċċekja jekk jienx hux b'saħħti, toqtolni. Tagħmel sens din?", kompla jistaqsi l-Arċisqof. "Noqogħdu attenti u ma niċċajtawx ma' Alla fuq il-kwistjoni tal-ħajja. Nitkellmu ċar bħalma nispera li qed nagħmel jien."

More in Socjali