'Min iħobb il-jottijiet imur joqgħod Monaco mhux Marsaskala' - Kunsillier tal-PN

'Ma waqafniex u żgur li mhux se nieqfu issa' - Andre Callus minn Moviment Graffitti 

Illum waqt konferenza għadd ta' għaqdiet, residenti ta' Wied il-Għajn u l-Moviment Graffitti ngħaqdu flimkien f'Wied il-Għajn mill-ġdid jipprotestaw kontra l-pjan tal-yacht marina. Waqt din l-istess konferenza, Graffitti qalet li fl-20 ta' Jannar 2022, il-Ministru Ian Borg iltaqa' mal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn dwar il-kwistjoni tal-yacht marina ppjanata minn Transport Malta. Matul din il-laqgħa l-Ministru Borg qal li ma kienx jaf bil-mozzjoni li ħa l-Kunsill f’Awwissu, liema mozzjoni tikkundanna l-ħruġ tas-sejħa għal investituri f’yacht marina fil-bajja ta’ Wied il-Għajn u tiddikjara li m’għandu jkun hemm l-ebda tip ta’ konċessjoni lill-privat għal yacht marina.

Graffitti kompliet tgħid li l-Ministru għaraf li din il-mozzjoni kienet qed tirrifjuta kategorikament kull yacht marina u ta ċans sa nofs Frar lill-Kunsill sabiex jerġa’ jiddiskutiha u jikkunsidra li jbiddel il-mozzjoni f’waħda li ma teskludix kompletament l-għotja ta’ konċessjoni lill-privat. Huwa wiegħed li Transport Malta mhux se tgħaddi għat-tieni fażi tal-proċess qabel ikollha l-pożizzjoni finali tal-Kunsill Lokali.

Jidher li l-Kunsill iltaqa' fl-24 ta' Jannar u unanimament qabel li jżomm il-mozzjoni li ttieħdet f'Awwissu u għaldaqstant intbagħtet formalment lill-Ministru Borg u lil Transport Malta. 

Il-mozzjoni tgħid li, "Il-Kunsill ta’ Marsaskala huwa kontra l-proposta mfassla minn Transport Malta fil-pre-qualifiation document tal-yacht marina f’Marsaskala u jikkundanna l-ħruġ ta’ dan id-dokument mingħajr konsultazzjoni mal-komunità ta’ Marsaskala. Il-Kunsill jeżiġi li dan id-dokument għandu jkun irtirat immedjatament u tiġi abbandunata l-idea ta’ konċessjoni ta’ yacht marina f’Marsaskala."  

Intant waqt din il-konferenza tkellem wkoll kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f'Wied il-Għajn, John Baptist Camilleri saħaq li,"l-elezzjoni mhux 'il bogħod u jiena nippretendi li aħna għandna jkollna moħħna mistrieħ darba għal dejjem li dan il-kapitlu jingħalaq u  mhux jgħaddu xi ftit ġimgħat u jerġa' jiġi xi ħadd joħlom b'xi proposta simili jew agħar minn hekk." 

Minkejja kollox huwa jgħid li din l-esperjenza serviet biex il-kommunità Skalina ngħaqdet għal għan wieħed, biex jiddefendu lil Wied il-Għajn. B'emozzjoni kbira huwa jappella biex din il-proposta ta' yacht marina tiġi rtirata darba għal dejjem biex ma jiġux irrepetuti żbalji. "Ħadtulna ħafna minn Marsaskala, tiħdulniex il-baħar. Iddardrux il-ftit ilma li baqa'," saħaq Camilleri. 

Fl-aħħar huwa saħaq li r-residenti tal-lokal ġew joqgħodu Marsaskala għax iħobbu l-Marsaskala kif inhi, "għax għandha l-karattru tal-post għall-kwiet mhux għax mifqugħin bil-jottijiet."

"Min iħobb il-jottijiet imur joqgħod Monaco jew San Tropez mhux Marsaskala. Min ġie hawn, ġie biex igawdi l-bajja, x-xeni u s-serenità. Tisirqulniex is-serenità wkoll," temm jgħid John Baptist Camilleri. 

More in Socjali