Il-PN ma jindikax kemm se jitħallsu missirijiet bil-proposta tiegħu tal-paternity leave

Il-missier, minkejja li ma jwellidx, ħaqqu jkollu paternity leave? Xi ngħidu fuq dawk li se jadottaw? Iżda jekk se nintroduċu l-paternity leave biex il-mara tkompli fuq xogħolha, ir-raġel se jitlaq l-impjieg għal nofs il-paga minima?  

Fl-aħħar snin rajna riformi li komplew iħeġġu lill-mara taħdem biex tilħaq il-miri tagħha fil-karriera lil hinn mill-impenji tal-familja. Iżda ftit nisimgħu bil-paternity leave, jiġifieri li r-raġel jibqa’ d-dar mal-wild waqt li l-mara tirritorna x-xogħol. Bħalissa r-raġel huwa intitolat għal ġurnata waħda biss paternity leave.  

Dan ifisser li jekk il-mara twelled kmieni filgħodu l-missier ikollu jirritorna lura x-xogħol fi żmien 24 siegħa.  

Għalhekk il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u staqsiet x’inhu jipproponi fuq dan il-qasam. Staqsiet ukoll; jekk il-Gvern se jkopri l-ispiża tal-paternity leave mija fil-mija, ir-raġel kemm se jitħallas? X’inhu l-massimu stabbilit?  

Minkejja mistoqsija diretta lill-kelliema tal-PN dan ma żvelax mal-ILLUM x'inhu l-massimu stabbilit li qed iwiegħed li jistabilixxi l-PN jekk ikun fil-Gvern.  

Tajjeb li wieħed ifakkar li hemm differenza bejn parental, paternity u maternity leave. Il-parental leave huwa meta kull ġenitur ikollu perjodu ta’ erba’ xhur leave mhux imħallsa u huwa eliġibbli sakemm il-wild jagħlaq tmien snin.  

Hawn il-PN qiegħed jipproponi li jiġi estiż għal tmien ġimgħat u jiġi mħallas kompletament mill-Gvern, suġġett għall-massimu stabbilit. 

Minn naħa l-oħra, il-leave tal-maternità huwa ta’ 18-il ġimgħa. Minn dawn 14-il ġimgħa huma mħallsa kompletament minn min iħaddimha u erba’ ġimgħat oħra mħallsa mill-Gvern b’ratà ta’ €101.34 fil-ġimgħa. Filwaqt li r-ratà għal min hu jaħdem għal rasu huwa ta’ €182.83 fil-ġimgħa. 

Dan ifisser li għal dan il-perjodu l-mara titħallas €405.36 b’kollox. B’hekk meta wieħed iqabbel dan l-ammont mal-paga minima (€795 fix-xahar) hemm diskrepanza ta’ €389.64. Jiġifieri madwar 50% inqas.  

Għaldaqstant, jekk il-PN ser juża l-istess massimu stabbilit bil-liġi llum, b’kollox il-missier ikollu 15-il ġurnata paternity leave flimkien ma’ tmien ġimgħat parental leave (li jistgħu jittieħdu separatament). B’hekk flimkien dawn jammontaw għal 10 ġimgħat (xahrejn u nofs) li jiġu msarfa għal €1,013.40. 

B’mod realistku, meta wieħed jikkunsidra l-ispiża ta’ trobbija ta’ wild wieħed kif ukoll l-għoli tal-ħajja, l-ILLUM tistaqsi, dħul wieħed ta’ nofs il-paga minima, huwa attraenti biżżejjed biex ir-raġel jibqa’ d-dar? Ir-raġel se jagħżel li jieqaf jaħdem għal €405.36 f’xahar meta l-mara se taqla l-paga normali għal 14-il-ġimgħa?   

Wieħed għandu jikkunsidra wkoll l-fatt li, b’mod ġenerali, l-paga medja ta’ mara f’sena hija inqas minn dik ta’ raġel. Skont l-Uffiċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO), fl-2019 l-paga medja ta’ raġel kienet ta’ €20,974 filwaqt li dik ta’ mara kienet ta’ €17,771, differenza ta’ €3,176. 

X'inhu jippropona aktar il-PN?  

Aktar benefiċċju għall-ġenituri li huma self employed. Dan se jinħadem bl-istess mudell tal-maternity leave fund, b’rata ta’ €182.83 fil-ġimgħa u li bih dawn ikollhom introjtu sikur fuq il-paga li jikkidjaraw. Dawn il-ġenituri self-employed għandhom ikunu intitolati wkoll għall-parental leave bl-istess kundizzjonijiet ta’ ġenituri impjegati. Il-proposta tgħid li dawn il-flus jistgħu jintużaw biex jimpjegaw lil xi ħadd tul dan il-perjodu.  

• Sussidju jew Tax Rebate ta’ 50% għall-ispiżata ta’ użu ta’ nanny fid-dar għall-ġenitur/i li jaħdmu, inkluż self-employed, fuq bażi full-time u li l-ulied ikunu taħt l-età ta’ 12-il sena. Minn naħa l-oħra dawk li għandhom tfal b’diżabilità l-sikema tiġi estiża sakemm it-tfal jagħlqu 16-il sena.  

• Leave ta’ luttu għall-ġenituri ta’ perjodu bejn ġimgħa u ġimgħatejn leave, li jista’ jittieħed sa’ 56 ġimgħa mill-mewt ta’ tifel u tifla. Dan japplika sakemm il-wild ikun taħt it-18-il sena, inkluż trabi li jmut fil-ġuf. F’każ li t-tarbija tmut fil-ġuf, din il-proposta tindika li l-leave tal-maternità u paternità għandhom ikunu preżervati. Nofs dan il-leave jista’ jittieħed fl-anniversajru tal-mewt tal-wild. Tajjeb li wieħed ifakkar li bħalissa l-ammont ta’ bearevement leave jista’ jvarja skont il-Wage Regulation Order (WRO). Għal dawk li t-tip ta’ xogħol mhux regolati minn WRO, l-impjegat huwa intitolat għal ġurnata leave. 

More in Socjali