Aġġornata | Il-Papa Franġisku jikkonferma ż-żjara tiegħu f'Malta

Il-Papa mistenni jgħaqqad dan il-vjaġġ, ma' żewġ vjaġġi oħra lejn Ċipru u l-Greċja li mistennija jsiru fl-ewwel jiem ta' Diċembru

Hemm ċans kbir li l-Papa Franġisku se jkun qed iżur Malta bejn l-aħħar jiem ta' Novembru u l-bidu ta' Diċembru. Dan ikkonfermah hu stess f'intervista ma' radju Spanjol fejn ikkonferma żjarat fosthom lejn Malta, il-Greċja u Ċipru.

Għalkemm sa issa ma hemm l-ebda konferma uffiċjali tad-dati, sorsi mill-Gvern li tkellmu mas-sit illum.com.mt, qalu li uffiċjali tal-Vatikan kienu qalulhom li l-Papa se jkun qed jgħaqqad vjaġġ appostoliku lejn Malta, Ċipru u l-Greċja.

Ilbieraħ rapporti fuq midja Ċiprijotta u anke fuq Associated Press kkwotaw sors mill-Gvern jgħid li l-Papa se jżur Ċipru bejn it-2 u 3 ta' Diċembru. Madanakollu, mill-Vatikan għadu ma kienx hemm konferma uffiċjali.

Anke l-istazzjon Rai dalgħodu qal ukoll li l-Papa se jkun qed jgħaqqad lil Malta, il-Greċja u Ċipru fi vjaġġ appostoliku wieħed. 

Dan ifisser li l-Papa mistenni jżur Malta fl-aħħar jiem ta' Novembru jew il-bidu ta' Diċembru.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta oħt MaltaToday wkoll qalu li l-Papa mistenni jżur Malta lejn l-aħħar ta' Novembru iżda d-dati għadhom mhux ikkonfermati.

Lanqas ma jidher li hemm indikazzjoni ta' x'se jkun il-programm taż-żjara tal-Papa f'Malta, għalkemm mistoqsi mill-ġurnalisti, il-President ta' Malta George Vella kkonferma li hemm kuntatti bejn l-awtoritajiet ċivili, dawk ekkleżjastiċi u l-Vatikan.

Ta' min ifakkar li l-Papa Franġisku kellu jżur Malta għal jumejn bejn it-30 u l-31 ta' Mejju tal-2020 fejn saħanistra kellu jagħmel waqfa qasira f'Għawdex. Kien diġà tnieda l-logo u l-motto uffiċjali.

Madanakollu l-vjaġġ tħassar minħabba li kienet faqqgħet il-pandemija.

Jekk il-vjaġġ iseħħ, Franġisku jkun it-tielet Papa li żar Malta. L-ewwel Papa li żar Malta kien Ġwanni Pawlu II, illum qaddis, fl-1990. Huwa rritorna Malta fl-2001 għall-Beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ Preca, Sor Adeodata Pisani u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Il-Papa Benedittu XVI żar Malta fl-2010.

Il-Papa Franġisku se jkun qed iżur Budapest u l-Islovakkja bejn it-12 u l-15 ta' Settembru għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Aktar kmieni din is-sena, il-Papa Franġisku reġa' beda ż-żjarat tiegħu, wara l-pandemija, bi vjaġġ storiku fl-Iraq.

More in Socjali