Proġett ta’ manutenzjoni għall-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura

Dan se jsir b’investiment li mistenni jiswa’ madwar €90,000

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri żar il-lokalità tal-Fgura fejn ħabbar li l-Aġenzija Komunità Malta, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Fgura, se twettaq xogħlijiet ta’  manutenzjoni fuq is-saqaf tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu.

Dan se jsir b’investiment li mistenni jiswa’ madwar €90,000. 

 “Filwaqt li bħala Ministeru għall-Intern qed naħdmu biex ikollna aktar komunitajiet siguri, dan iwassalna għal pass li jmiss biex ninvestu aktar fi proġetti soċjali u kulturali. Il-Knisja tal-Fgura hija unika bil-karatteristiċi tagħha f’Malta għalhekk huwa fid-dmir tagħna li nħarsu l-patrimonju kulturali ta’ din il-lokalità”, qal il-Ministru Camilleri.   

Fakkar kif dan il-proġett jorbot ma’ sensiela ta’ proġetti oħrajn li qed tamministra l-Aġenzija Komunità Malta biex l-investiment dirett barrani jgawdi minnu kulħadd. 

Ix-xogħlijiet fuq il-Knisja Parrokkjali tal-Fgura mistennija jinkludu manutenzjoni estensiva tas-sisien tas-saqaf filwaqt li se ssir restorazzjoni tas-saqaf minn ġewwa u minn barra.

More in Socjali