Jinstab qabar Puniku ta' 2,000 sena ilu waqt xogħlijiet viċin Ħaż Żabbar

Il-Korporazzjoni tal-Ilma sabet dan it-tempju ssiġillat u fih instabu urni ta' għadam ikkremat

Uħud mill-fdalijiet tal-qabar fiż-Żejtun
Uħud mill-fdalijiet tal-qabar fiż-Żejtun

Waqt xogholijiet li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed twettaq fin-naħa t’isfel ta’ Malta viċin Ħaż Żabbar, instab qabar Puniku li jmur lura aktar minn elfejn sena.

Il-qabar li kien għadu ssiġilat, ġie miftuħ u fih instabu numru ta’ urni bi fdalijiet ta’ għadam uman ikremat ġo fihom. Mill-għadam li nstab s’issa jidher li hawnhekk kienet indifnet persuna adulta kif ukoll tifel jew tifla żgħira fl-età.

Instabu wkoll anfora, żewġ urni, lampa taż-żejt, flixkun tal-fwieħa tal-ħġieġ u reċipjenti oħra tal-fuħħar tipiċi tal-perjodu Puniku. Fi żmien il-perjodu puniku u dak ruman ir-rit kien jinbidel. L-iġsma ġieli kienu jiġu kremati u drabi oħra jindifnu sħaħ tul il-qabar. Il-kremazzjoni kienet titlob diversi riżorsi bħal injam biex jinħaraq il-ġisem u bżonn ta’ persuna li toqgħod mal-post minħabba li l-proċess biex jinħaraq il-ġisem kien jieħu diversi siegħat.

Bħalissa, l-materjal qed jinħareg mill-qabar u jittieħed fil-laboratorju fejn isir proċess ta’ konsolidazzjoni, tindif u analiżi fuq il-fuħħar u l-għadam li nstab.

Il-Korporazzjoni għas-servizzi tal-Ilma qed twettaq xogħolijiet fin-naha t’isfel ta’ Malta biex tkabbar in-network tad-drenaġġ f’żoni li preżentmenet qed jagħmlu użu minn fosos. Minħabba s-sensittivita arkeologika taż-żona konċernata, is-Sovratendenza talbet li jkun hemm arkeologu mat-tim li qed iwettaq ix-xogħolijiet f’każ li jinstabu xi fdalijiet antiki. Il-Korporazzjoni fasslet pjan alternattiv biex jitkompla x-xogħol filwaqt li jiġi preservat il-qabar. Dan it-tibdil fil-rotta jaf itawwal il-pjan oriġinali tat-twettieq tax-xogħlijiet

More in Socjali