MOU għall-proġett tat-trobbija tal-gamiem - 1,450 gamiema rilaxxata fi tliet snin

B’dan il-ftehim, l-FKNK qed tingħata għajnuna ta’ €14,000 marbuta mal-konservazzjoni u s-sostenn tal-popolazzjoni tal-gamiem

1,450 gamiema rilaxxati fi tliet snin mill-FKNK
1,450 gamiema rilaxxati fi tliet snin mill-FKNK

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ppreseda l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim (MOU) bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli (RGF) għal proġett ta’ trobbija tal-gamiema u l-monitoraġġ fis-selvaġġ. 

B’dan il-ftehim, l-FKNK qed tingħata għajnuna ta’ €14,000 mill-RGF, marbuta mal-konservazzjoni u s-sostenn tal-popolazzjoni tal-gamiem, fejn fl-aħħar snin il-programm ta’ tgħammir ra riżultati mixtieqa għal din l-ispeċi.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li din l-għajnuna mill-RGF tikkumplimenta sew ħidmietha li tbiegħed il-persuni mill-vizzji tal-logħob, hekk kif f’dan il-kuntest huwa infurmat li hemm żgħażagħ li resqu lejn il-prattika ta’ dan id-delizzju b’responsabbiltà bħala mezz biex iżommu ‘l bogħod mill-vizzju.

Huwa spjega kif il-bidu ta’ dan il-proġett imur lura għall-2017, meta bejn iż-żewġ naħat nibet proġett li ffoka fuq it-tgħammir tal-gamiema biex eventwalment din tkun rilaxxata fis-selvaġġ. "Dan il-proġett kien ta’ suċċess u wera r-riżultati meħtieġa, u qed ikompli jiġi msaħħaħ bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim," qal il-Ministru. 

Fil-fatt, f’Mejju tal-2017, ġew rilaxxati aktar minn 400 gamiema fil-ġonna tal-Buskett. Fl-2018, il-proġett ra aktar minn 700 gamiema jinħelsu fis-selvaġġ, din id-darba minn Għawdex. F’Ġunju tal-2019 inħelsu ‘l fuq minn 350 gamiema. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, din l-attività ma saritx fl-2020.

Fl-intervent tiegħu, Silvio Schembri ħabbar li l-proġett issa ser jidħol fit-tieni fażi tiegħu marbut mar-riċerka u l-monitoraġġ bis-‘Solar GPS Transmitters’. “Huwa propju għal din il-parti tal-proġett li l-RGF daħlet sabiex tkun tista’ ssir riċerka li għaliha hemm bżonn li jinxtraw GPS Transmitters biex dawn jitpoġġew fuq il-gamiem li l-FKNK se tkun qed teħles fis-selvaġġ bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena”, qal il-ministru.

Iċ-Chairman Mhux Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli Neville Mangion qal li l-fondazzjoni temmen li l-kontinwazzjoni tal-proġett li beda fl-2017 hija attività alternattiva għall-problema tal-logħob fis-soċjetà. “Ir-rilaxx fis-selvaġġ tal-gamiem imrobbija fil-magħluq huwa kontribut tanġibbli li Malta tista’ tagħmel għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fis-selvaġġ, u l-fondazzjoni taqbel mal-FKNK li għandhom jiġu adottati mezzi oħra tal-IT għall-monitoraġġ tal-movimenti tal-għasafar”, ikkonkluda s-Sur Mangion.

 

L-Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-FKNK Lucas Micallef irringrazzja lill-Ministru Schembri u lill-RGF tas-sostenn tagħhom sabiex l-FKNK kompliet tingħata l-appoġġ sabiex iżżid il-popolazzjoni tal-gamiema selvaġġa. 

“Dan huwa l-uniku kontribut tanġibbli li Malta tista’ tagħmel għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fis-selvaġġ, peress li l-gamiem ma jbejtux fuq bażi regolari u fi kwalunkwe numru sostanzjali fis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin. Barra minn hekk, l-ammont rilaxxat jista’ jservi bħala miżura ta’ kumpens għall-gamiem li jistgħu jittieħdu mis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin. Billi l-gamiem li jintelaq jitrabba fil-magħluq, dawn kollha jkunu mmarkati b’mod adegwat biċ-ċrieket qabel ma jinħelsu”, ikkonkluda Micallef.

More in Socjali