Erba' anzjani oħra bil-Covid-19 jitilfu ħajjithom

It-total ta' persuni bil-Covid-19 li tilfu ħajjithom minn meta faqqgħet il-pandemija issa jitla' għal 226

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar illi fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom erba' persuni oħrajn li kienu pożittivi għall-Covid-19.

Fl-ewwel każ anzjana ta’ 96 sena, li kienet ikkonfermat pożittiva għall-Covid-19 fis-17 ta’ Diċembru, mietet ilbieraħ fil-Good Samaritan Long-term Care Facility.

Fit-tieni każ anzjana ta’ 71 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fl-1 ta’ Jannar, mietet ilbieraħ fl-Isptar Mater Dei.

Fit-tielet każ anzjan ta’ 83 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-26 ta’ Diċembru, miet aktar kmieni llum fl-Isptar Mater Dei.

Fir-raba’ każ anzjana ta’ 85 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fis-26 ta’ Diċembru, mietet aktar kmieni llum fl-Isptar Mater Dei.

Dan ifisser li t-total ta' persuni li tilfu ħajjithom waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19 issa tela' għal 226.

Intant, fl-aħħar 24 siegħa, instabu 158 każ ġdid ta' Covid-19 filwaqt li fieu 74 persuna. Dan ifisser li l-każi attivi issa huma 1,702.

Ilbieraħ saru 2,602 tests.

Mill-każi mħabbra lbieraħ, kien hemm 30 każ ta' qraba ta' persuni pożittivi, tmien persuni li ħadu l-virus mingħand il-kollegi, 16-il persuna li ġew f'kuntatt dirett ma' persuni pożittivi u 10 persuni li ħadu l-virus minn ġemgħat soċjali. 

More in Socjali