'Nippreferi mmur il-Ħabs milli nħallasha l-manteniment lil 'dik'

Is-sit illum.com.mt jagħti ħarsa lejn il-proposta tal-Kap tal-PN dwar il-manteniment għall-ulied u jitkellem dwar dan mal-avukat fil-Qorti tal-Familja Desiree' Attard

Il-manteniment tat-tfal ħafna drabi huwa kwistjoni li dwarha qed jinħolqu problemi u inġustizzji
Il-manteniment tat-tfal ħafna drabi huwa kwistjoni li dwarha qed jinħolqu problemi u inġustizzji

Dawn l-aħħar ġimgħat diversi persuni, speċjalment missirijiet, qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar manteniment ta' uliedhom li ma setgħux iħallsu - jew inkella biex iħallsuh spiċċaw qed joħorġu nofs il-qligħ tagħhom ta' xahar -   minħabba li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija. 

Huma ħafna drabi esprimew ir-rabja tagħhom lejn sistema li qed tidher inflessibbli u qed tħallihom jgħixu bl-eżatt jew inkella saħansitra jissellfu l-flus biex jagħmlu dak li huwa bażiku. 

Fid-dawl ta' dawn ir-realtajiet ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippropona wkoll li jinħoloq mekkaniżmu li jiddeċiedi kif għandu jinħadem il-manteniment tal-ulied. 

Rikors, mhux ilmenti fuq il-midja soċjali biss

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-avukat fil-Qorti tal-Familja Desiree' Attard li sostniet illi din is-sitwazzjoni hija waħda fraġli ħafna u ma tolqotx lil kulħadd l-istess għaliex kull familja għandha r-realtajiet differenti tagħha.  Hi tisħaq iżda li hemm rimedju għal dawk il-persuni, l-aktar missirijiet, li minħabba realtajiet differenti fosthom telf ta' impjieg minħabba l-pandemija, ma jistgħux iħallsu l-manteniment.  "Ikun ta' xejn li persuni jiktbu fuq il-midja soċjali.  Għandhom jiftħu rikors il-Qorti illi fih jiddikjaraw li ma jistgħux iħallsu l-manteniment għal raġunijiet ġustifikati."

Din il-gazzetta tfakkar lil Attard iżda li biex persuna tiftaħ rikors trid tħallas avukat u hi tirrikonoxxi dan għalkemm tfakkar li hemm avukati differenti li jżommu rati differenti filwaqt li hemm l-avukat tal-għajnuna legali.  Attard tfakkar illi fil-każ ta' avukat tal-għajnuna legali persuna tkun trid tgħaddi minn test tal-mezzi biex ikun aċċertat illi ma għandhiex biex tħallas. 

Mal-ILLUM tgħid illi f'ħafna mill-każi persuna tkun mitluba tħallas bejn €200 u €250 kull xahar għal kull wild, għalkemm tgħid li f'każi aktar eċċezzjonali mara li tkun tiflaħ trabbi lil uliedha hi u speċjalment jekk tkun għaddiet min abbuż ġieli ma titlobx għal dan il-manteniment. 

Desireè Attard
Desireè Attard

Hemm każi oħrajn fejn ir-relazzjoni tkun intemmet b'mod aktar akrimonjuż, fejn ir-raġel jgħidlek illi lest imur xahar il-Ħabs milli jħallas flus lill-eks mara tiegħu, spjegat Attard. "Ġieli kelli każi fejn jgħidu illi jippreferu jmorru xahar ħabs milli jħallsu flus lil 'dik'.  Li fil-verità ħafna drabi tkun kwistjoni ta' bluff u pika għax f'ħafna mill-każi l-Qorti tagħti ftit żmien ċans biex il-manteniment jitħallas u s-sentenza mogħtija tkun waħda sospiża," spjegat. 

Sistema ta' ħlasijiet permezz ta' aġenzija intermedjarja

Mistoqsija dwar dak li qed jipproponi l-Kap tal-PN Desiree' Attard qalet illi milli qrat qed tifhem li Bernard Grech qed jipproponi sistema li taħdem b'mekkaniżmu bħal dak tad-danni.  Hi qalet illi tifhem tali proposta, anke fid-dawl tal-fatt li hemm min jgħid li €250 mhumiex biżżejjed biex tieħu ħsieb lit-tfal illum. 

Tfakkar iżda li l-manteniment huwa marbut mal-pulizija u l-Ħabs u l-proposta ta' Grech mhijiex qed tindirizza, la dan u lanqas il-fatt ta' x'jiġri meta persuna ma tkunx tista' tħallas il-manteniment.

Hi tipproponi minflok illi jkun hemm sistema li permezz tagħha l-Qorti jkollha reġistru ta' min qed iħallas manteniment tat-tfal u l-Imħallef iġiegħel li jsir standing order mill-kont tal-bank fix-xahar, minn aġenzija li sservi ta' intermedjarju. 

Hi tirrikonoxxi li anke din is-sistema, minkejja l-preġji tagħha, għandha nuqqasijiet fosthom f'każi ta' persuni li ma jkollhomx kont tal-bank. 

"Pero jiena nneħħi wkoll lill-pulizija minn din il-kwistjoni.  Ħafna drabi persuna li ma tkunx qed tirċievi manteniment tiddejjaq tmur għand pulizija biex tipproċedi u ħafna drabi tispiċċa b'xejn."

Desiree' Attard tgħid illi s-sistema trid tinbidel minn kif inhi għax temmen li "qed taħdem kontra kulħadd.  Kontra min ma jistax iħallas u anke kontra l-persuna li suppost tirċievi l-manteniment pero mhijiex." 

X'ippropona l-Kap tal-PN?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li l-bidliet fil-liġi tad-divorzju għandhom ikunu ferm aktar wisgħin minn sempliċiment iż-żmien illi fih koppja tkun tista' tiddivorzja.  Grech qed jisħaq illi parti mir-riforma għandha wkoll tinkludi l-ħolqien ta' kalkolu ċar ta' kif jinħadem il-manteniment li tħallas parti lill-oħra għat-tfal. 

"Wasal iż-żmien li naraw kif nindirizzaw il-weġgħat ta' persuni li għaddejjin minn diffikultajiet fil-familja, speċjalment fejn jidħlu l-ulied," sostna mal-gazzetta ILLUM.  Huwa għalhekk li Grech irid li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jiddiskuti diversi proposti, u mhux biss it-tul ta’ żmien li koppja sseparata trid tistenna sakemm tapplika għad-divorzju.

Huwa qal li jrid ikun hemm ukoll riforma oħra li toħloq mekkaniżmu sabiex il-manteniment ikun ibbażat fuq kalkolu ċar sabiex il-ġudikanti, l-avukati u anki l-partijet ikunu jistgħu jimxu miegħu bħala linja gwida meta jiġi kkalkulat. 

Grech ippropona wkoll li l-Qorti tal-Familja tkun irriformata biex kawżi u rikorsi li jolqtu l-firda tal-ġenituri mill-ulied jinstemgħu iktar malajr biex b’hekk jitnaqqsu l-weġgħat u l-ħsarat. "Dan għaliex ġimgħa mingħajr aċċess għal ibnek jew bintek jew wild għall-omm jew missieru, hi ġimgħa mitlufa."

More in Socjali