'Ir-riserva tad-demm O negative hija kritikament baxxa' - Appell għad-donaturi

Minkejja l-pandemija, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm qed isegwi protokolli u miżuri stretti biex id-donaturi jkunu fis-sigur

Ir-riserva tad-demm O negative hija "kritikament baxxa" hekk kif ammont sostanzjali ta' demm ta' dan it-tip intuża fuq pazjent wieħed.

Għalhekk, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella biex dawk il-persuni li għandhom t-test tagħhom O negative jmorru jagħtu d-demm fiċ-Ċentru fi Gwardamanġja, biswit l-isptar San Luqa.

Mas-sit illum.com.mt, Tony Micallef, mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm saħaq kif filwaqt li l-boroż tad-demm O negative naqsu drastikament, ir-riserva tad-demm (ta' tipi oħra) hija waħda tajba u dan bis-saħħa ta' diversi donaturi tad-demm.

Micallef appella biex id-donazzjonijiet tad-demm ma jiqfux u insista kif minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm qiegħed isegwi protokolli u miżuri stretti biex il-post jibqa' wieħed sigur kemm għall-infermiera u anke għad-donaturi.

Xerred dan l-artiklu biex il-messaġġ jasal għand kemm jista' jkun donaturi

More in Socjali