Ix-Xjenza fil-Belt lura fil-kapitali fis-27 u t-28 ta’ Novembru

Id-disa’ edizzjoni se tospita aktar minn 30 attività mifruxa madwar il-Pjazza emblematika tat-Tritoni, id-Daħla tal-Belt (City Gate), il-Pjazza tal-Parlament, Spazju Kreattiv u l-Muża, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti

Il-festival tax-Xjenza fil-Belt jirritorna fil-belt kapitali Valletta mhux f’Settembru, iżda l-Ġimgħa 27 u s-Sibt 28 ta’ Novembru 2020.  Id-dati l-ġodda kienu stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea biex ikollha aktar żmien biex tindirizza l-pandemija COVID-19.  Il-konsorzju tal-Università ta’ Malta rnexxielu jirbaħ b’suċċess il-Fond Horizon 2020 Lejla Ewropea għar-Riċerkaturi.  Id-disa’ edizzjoni se tospita aktar minn 30 attività mifruxa madwar il-Pjazza emblematika tat-Tritoni, id-Daħla tal-Belt (City Gate), il-Pjazza tal-Parlament, Spazju Kreattiv u l-Muża, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti.

Organizzat madwar it-tema “Engage, Empower, Enable”, l-impenn ta’ din is-sena biex jittratta l-virus irriżulta f’perspettiva interessanti ġdida għal dan l-avveniment.  Il-festival se jkun taħlita (hybrid) bil-parti l-kbira tal-attivitajiet fil-Belt Valletta jkunu adattati wkoll b’mod virtwali.  Dan ifisser li issa l-festival għandu l-potenzjal li jilħaq udjenziikbar, permezz ta’ preżenza onlajn.  L-avveniment jipprova jinvolvi lill-udjenza tiegħu b’mod innovattiv permezz tax-xjenza u l-arti, ħalli jsaħħaħ liċ-ċittadini b’ħiliet ta’ ħsieb kreattiv u jippermettilhom isiru persuni li jaħsbu b’mod liberuu attiv.  L-avveniment, parti miċ-ċelebrazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea tal-Lejla Ewropea għar-Riċerkaturi, se jkun iffinanzjat mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tal-Programm Ewropew H2020 u qed ikun rikonoxxut bħala festival eċċellenti minn Europe for Festivals u Festivals for Europe (EFFE). 

Il-Kordinatur tal-Festival, Dr Edward Duca, jispjega: “Għal dawn l-aħħar tmien snin, l-għan fundamentali tal-festival kien li jinvolvi nies emozzjonalment u intellettwalment permezz ta’ fużjoni ta’ xjenza u arti.  Il-festival jaħdem qatigħbiex jagħmel aktar, billi jintroduċi kreattività, kritika u analiżi, kif ukoll xejra ta’ Riċerka Responsabbli u Innovazzjoni (RRI) fost ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini.  RRI tlaqqa’ flimkien l-industrija, il-gvern, iċ-ċittadini, l-NGOs u r-riċerkaturi biex jindirizzaw il-problemi tas-soċjetà. Biex nagħmlu dan għandna bżonn l-għajnuna tiegħek.

“Aktar minn hekk, nittamaw li ż-żgħażagħ ikunu ispirati biex jaħsbu b’mod kritiku u li dan iħeġġiġhom jikkunsidraw karriera fix-Xjenza, fit-Teknoloġija, fl-Inġinerija, fl-Arti u fil-Matematika (STEAM).  Ingħaqdu magħna fiċ-ċelebrazzjoni tax-Xjenza fil-Belt għaliex intom parti importanti fl-esperiment tagħna.”

Il-Maniġer tax-Xjenza fil-Belt, Karen Fiorini, żiedet tgħid: “Din is-sena l-festival se jkun differenti minn qatt qabel.  Hekk kif il-COVID-19 ikompli jdallam il-futur billi jitfa’ kutra ta’ inċertezza fuq il-pjani tagħna, iddeċidejna linorganizzaw l-avveniment kemm il-Ġimgħa 27 u s-Sibt 28 ta’ Novembru u li kemm jista’ jkun nadattaw il-festival b’mod diġitali.  Dan se jagħti ċans lil kulħadd biex jingħaqad magħna mingħajr ma niffollaw il-Belt  b’aktar minn 30,000 persuna li ta’ kull sena jżuru l-festival f’lejla waħda.  Li jkollna preżenza onlajn se tgħin bid-distanzi soċjali u tippermetti li l-festival iseħħ anke jekk nerġgħu niġu mġiegħlin nissakkru fid-djar tagħna taħt self-isolation.  Żur il-paġna tagħna fuq facebook aktar tard dan is-sajf biex issegwi kif qed nippjanaw li nagħmlu dan.” 

Il-Konsorzju tax-Xjenza fil-Belt hu mmexxi mill-Università ta’ Malta u l-Kamra Maltija għax-Xjenzati, fi sħubija mal-Ministeru għall-Finanzi u mas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, l-MCAST, l-Esplora, BPC International, il-MEUSAC, il-PBS, Spazju Kreattiv, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, More or Less Theatre u Kreattiv tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Għal aktar tagħrif u aġġornamenti kontinwi jekk jogħġbok żur il-paġna facebook tal-festival fuq: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta | Twitter: @SciCityMalta | Instagram: @scicitymalta | TikTok: @ScienceintheCityMalta

More in Socjali