Il-ġurnalist tal-MaltaToday Raphael Vassallo jiftaħ libell kontra Manuel Delia

F'artiklu Delia allega li Vassallo kellu x'jaqsam mal-Mafja u l-qtil ta' Caruana Galizia

Manuel Delia
Manuel Delia

Il-ġurnalist tal-MaltaToday Raphael Vassallo, illum fetaħ każ ta’ libell fil-konfront tal-blogger Manuel Delia wara li f’artiklu ppublikat din il-ġimgħa fil-blog tiegħu Delia ssuġġerixxa li Vassallo kien marbut mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-artiklu huwa akkuża lil Vassallo bħala parti mis-sistema Mafjuża li waslet għal-qtil ta' Caruana Galizia.

Fi stqarrija li ħareġ lill-istampa dalgħodu wara li ppreżenta l-kawża, Vassallo qal li dan kien tentattiv malizzjuż u intenzjonat biex jagħmel ħsara lir-reputazzjoni professjonali tiegħu bħala ġurnalist u opinjonista.

Barra minn hekk, huwa qal li dan kien att ta’ intimidazzjoni bl-għan li huwa jieqaf milli jesprimi l-opinjoni tiegħi minħabba l-biża li tispiċċa assoċjat mal-kriminalità.

"F’20 sena li ilni nikteb fil-gazzetti, qatt ma ftaħt libell. Madankollu, hemm limiti. Kelli naċċetta ħafna kritika u nittollera ħafna attakki waqt il-karriera tiegħi, iżda ma nistax inħalli din il-gidba għaddejja," sostna Vassallo.

 L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għall-Vassallo.

More in Socjali