Is-sħana tal-aħħar jiem mistennija tippersisti u t-temperaturi jkomplu jogħlew tant li d-Direttorat tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħareġ linji gwida biex il-pubbliku jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji.
Bla dubju ta' xejn, l-aktar ħaġa importanti hija li wieħed jixrob ħafna ilma u dan għax it-temperaturi għoljin iwasslu biex il-ġisem jispiċċa dehydrated ħafna aktar malajr u l-konsegwenzi jistgħu jkunu serji.
Id-Direttorat fakkar kif filwaqt li s-sħana taffettwa lil kulħadd, jista' jkollha effetti aktar serji fuq l-anzjani, it-trabi, it-tfal u anke persuni li jbatu minn mard kroniku.
Għalhekk id-Direttorat qiegħed jappella lil kulħadd biex:
- Ħadd ma joqgħod fix-xemx għal perjodu twil għalxejn, partikolarment bejn il-11:00am u l-4:00pm
- Iżommu friski billi joqogħdu fil-partijiet l-aktar friski tad-dar jew tal-post tax-xogħol
- Jagħlqu l-purtieri fil-kmamar biex ix-xemx tidħol inqas u tonqos is-sħana
- Jixorbu kemm jista' jkun ilma u b'mod regolari u anke biex jittiekel ikel frisk bħal salads
- Jiġu evitati xarbiet bħall-alkoħol, il-kafe, it-te u s-soft drinks
- Il-ħwejjeġ li jintlibsu jkunu ħfief u mhux issikkati mal-ġisem
- Ħadd ma għandu jinżamm f'karozzi magħluqa, partikolarment it-tfal, it-trabi u l-annimali
- Ħadd ma għandu jitħabat fl-aktar mumenti sħan tal-ġurnata u kemm jista' jkun l-attività fiżika ssir ġewwa
- Meta wieħed qed jimxi jfittex id-dell u juża prodotti li jnaqqsu l-effett tar-raġġi tax-xemx fuq il-ġilda
Id-Direttorat tas-Saħħa qiegħed jappella wkoll lil dawk li għandhom qraba jew jafu anzjani jgħixu waħedhom biex iżommu kuntatt magħhom u jassiguraw li jinsabu tajbin.