Nhar is-Sibt uża tal-Linja u tkun qed tgħin lill-Istrina

Il-Malta Public Transport se tagħti donazzjoni mill-vjaġġi lill-Malta Community Chest Fund Foundation

Kull min nhar is-Sibt se jkun qed juża s-servizz tat-trasport pubbliku se jkun qed jgħin lill-Istrina.

Dan hekk kif għat-tielet sena konsekuttiva, il-Malta Public Transport se tagħti donazzjoni mill-vjaġġi lill-Malta Community Chest Fund Foundation.

Nofs in-noll imħallas minn kull passiġġier li juża t-trasport pubbliku nhar it-22 ta’ Diċembru se jmur direttament għall-Istrina, mingħajr ebda ħlas żejjed mill-passiġġieri.

“Malta Public Transport hija kburija li għal darba oħra qed tikkontribwixxi għall-Istrina u tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies,” saħaq Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “L-Istrina mhix sempliċiment ġbir ta’ fondi, iżda hija festa nazzjonali ta’ solidarjetà u aħna nemmnu li l-komunità tan-negozju għandha tieħu l-opportunità biex issib modi innovattivi kif tappoġġja din it-tradizzjoni sabiħa. 

Is-sena l-oħra, minn din l-inizjattiva, inaġbru €38,000.

Malta Public Transport se toffri nofs in-noll ta’ kull vjaġġ, li jitħallsu kemm bit-Tallinja card jew bil-biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozzi tal-linja, kollha għall-kawża.

Il-passiġġieri li jużaw it-Tallinja Cards tal-Adulti, Studenti u ta’ Għawdex iħallsu €0.75ċ għall-vjaġġ, filwaqt li dawk li għandhom cards ta’ Konċessjoni jew tat-Tfal iħallsu €0.25ċ. Biljetti ta’ €1.50c jistgħu jinxtraw mingħand ix-xufier.

Is-somma li tinġabar minn din l-inizzjattiva ser tingħaqad mad-donazzjonijiet li għamlu l-impjegati ta’ Malta Public Transport matul is-sena.

More in Socjali