Proġett ieħor fid-dar tal-anzjani fil-Furjana

Jitlesta xogħol ta’ manutenzjoni radikali u ta’ restawr tal-erba’ faċċati fid-dar tal-anzjani fil-Furjana

‘‘Minbarra liġijiet u miżuri ġodda, il-ħidma favur l-anzjani titlob ukoll proġetti ta’ tiġdid u ta’ tisbiħ f’kull post fejn jabitaw l-anzjani, xogħol dejjem għaddej u mfassal biex jevita inkonvenjent mill-inqas lill-istess anzjani u lil dawk li jieħdu ħsiebhom’’

Dan qalitu is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta llum żaret id-dar tal-anzjani fil-Furjana, fejn tlesta xogħol ta’ manutenzjoni radikali u ta’ restawr tal-erba’ faċċati tal-binja.

Għaddej ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-plant room ta’ fuq il-bejt, fuq il-lifts, fuq is-sistema ta’ arja kkundizzjonata u fuq l-aperturi kollha. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta fi ftit ġimgħat oħra u qed tiġi investita s-somma inizjali ta’ madwar €100,000, filwaqt li qed tiġi studjata l-possibilità li t-terrazzin li hemm wara d-dar jinbidel fi ġnien fuq il-bejt fejn l-anzjani jkunu jistgħu jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ fil-kenn mill-elementi.

Caruana ddeskriviet ix-xogħol professjonali fuq il-faċċata tad-dar bħala xogħol li jitlob sengħa kbira u ħafna reqqa b’rispett lejn l-istil arkitettoniku partikolari tagħha. Is-Segretarju Parlamentari spjegat li din hi binja antika li tmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin u ssemmiet għad-Duka ta’ Connaught. Minn żmien l-ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918) u għal bosta snin serviet għall-baħħara u għas-suldati Ingliżi. Minkejja xi bdil fl-intern tagħha, il-faċċata bi stil Neo-Gotiku baqgħet intatta u għalhekk il-konservazzjoni u r-restawr ta’ dan il-proġett kienu jitolbu attenzjoni kbira.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li x-xogħol ta’ tiswija u ta’ rinovar kien ilu s-snin meħtieġ f’diversi djar tal-anzjani. Kien għalhekk li tul l-aħħar tliet snin il-Gvern wettaq programm sħiħ ta’ xogħlijiet f’bosta djar, inklużi xogħlijiet fi swali ġodda li ġew rinovati mill-qiegħ biex jilħqu l-istandards nazzjonali li tfasslu apposta minn dan il-gvern għal dawn ir-residenzi. Xogħlijiet oħra li se jibdew fil-jiem li ġejjin jinkludu t-tibdil tal-aperturi fl-Isptar Zammit Clapp, il-ftuħ ta’ Dementia Unit fid-Dar tal-Imtarfa u t-tisbiħ fid-Dar tal-Imsida.

Justyne Caruana kompliet tgħid li xogħlijiet bħal dawn jitolbu ħiliet differenti mill-istess ħaddiema tad-dipartiment, fuq disinji tekniċi ta’ nies professjonali fir-rigward ta’ snajja’ u ta’ installazzjonijiet meħtieġa, kif ukoll b’pariri esperti għal dak li jixraq lill-anzjani f’dawn ir-residenzi.   

‘‘Sakemm jitwettaq xogħol bħal dan, isir kull sforz biex nevitaw ċaqliq u inkonvenjenzi oħra għar-residenti u dan grazzi għall-kooperazzjoni sħiħa li nsibu mill-ħaddiema u mill-anzjani nfushom’’, qalet Caruana. Żiedet li proġetti bħal dawn huma tassew ‘‘works in progress’’ għax jibdew u jitkomplew skont pjan ta’ żmien u b’budget apposta, sakemm ma jitfaċċawx problemi waqt li jkun għaddej ix-xogħol. 

‘‘Huwa pożittiv li l-anzjani nfushom, minkejja kull inkonvenjent ta’ xogħlijiet bħal dawn, japprezzaw li dan ikun qed isir bil-għan li jkollhom ambjent aktar xieraq u msebbaħ, għall-kumdità tagħhom’’, qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana filwaqt li spjegat li dan jgħin ukoll biex l-impjegati jkollhom struttura aħjar u iktar sodisfazzjon biex iwettqu dmirijiethom.

More in Socjali