‘Qed jinħoloq sens ta’ biża’ fost ir-residenti’

Residenti ta’ San Pawl il-Baħar sostnew li parti kbira mill-problema m’għadhomx l-Afrikani iżda Ewropej stess

Diversi persuni ħadu l-inizjattiva sabiex inaddfu l-graffiti li ġew miżbugħa f'diversi żoni f'San Pawl il-Baħar
Diversi persuni ħadu l-inizjattiva sabiex inaddfu l-graffiti li ġew miżbugħa f'diversi żoni f'San Pawl il-Baħar

Is-sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea, sostniet mal-gazzetta ILLUM li qed jinħoloq sens ta’ biża’ fost ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. Dan fid-dawl ta’ taħżiż u graffiti ma’ ħitan bi kliem barrani, li iktar tard ġie identifikat bħala Serb, imma wkoll fid-dawl ta’ diversi stqarrijiet minn bosta individwi kemm fuq il-mezzi soċjali u anke mezzi tax-xandir, dwar is-sitwazzjoni f’żoni differenti fil-lokalità. Fil-fatt, huwa sigriet magħruf li ħafna residenti ilhom jilmentaw dwar diversi żoni fil-lokalità. Primarjament fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà, kriminalità, sokor, vandaliżmu u storbju.

Fil-fatt, residenta partikolari li tkellmet ma’ din il-gazzetta sostniet li hemm diversi żoni, partikolarment fejn hemm bars li spiss huma frekwentati minn barranin “li tibża’ tgħaddi minn ħdejhom speċjalment filgħaxija. Il-problema llum il-ġurnata, m’għadhiex minħabba l-Afrikani, imma minħabba l-Ewropej. Nippreferi ngħaddi minn triq b’10 Afrikani milli b’xi żewġ Serbi.”

Il-kummenti ta’ din ir-residenta mhumiex l-ewwel tat-tip tagħhom u żgur mhux uniċi, tant hu hekk, li numru ta’ residenti kellhom iduru għal mezzi soċjali fi gruppi għar-residenti sabiex jesprimu l-għadab tagħhom.

‘Tiftaħ il-bieb u ssib in-nies jixorbu wara biebek’

Resident ieħor ferm inkwetat minn San Pawl il-Baħar li wkoll tkellem ma’ din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fil-lokalità, insista li f’diversi bars qed jinġabru għadd ta’ barranin, li jintefgħu quddiem il-bar fuq il-bankina, għad-detriment tar-residenti u l-persuni fit-triq, u “jibdew ipejpu, jixorbu u jagħmlu l-istorbju, u lanqas tkun tista’ tiftaħ tieqa.”

Dwar dan it-tħassib, meta mistoqsija minn din il-gazzetta, is-sindku Galea sostniet li anke jekk wieħed jara l-aħbarijiet, “ta’ spiss naraw li l-persuna li tkun akkużata jingħad li toqgħod San Pawl il-Baħar, f'diversi drabi jirriżulta li l-persuna lanqas tkun Maltija. B'hekk fost ir-residenti, qed tikber l-opinjoni li l-ħażin kollu, jew kważi kollu, qed isir mill-barranin, anke jekk dan mhux dejjem ikun il-każ. Inċidenti bħal dawn ikomplu jnaqqsu s-sens ta’ sigurtà li wieħed kien ikollu, għaliex anke jekk mhux ġustifikata, jinħoloq sens ta’ biża’ fost ir-residenti.”

‘Ħafna Maltin jużaw lill-barranin bħala skuża’

Dwar din il-kwistjoni, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ukoll mal-eks sindku u kunsillier ta’ San Pawl il-Baħar, Raymond Tabone, li qal li l-lokalità inbidlet sew fl-aħħar snin u semma kif fil-passat wieħed kien jazzarda jħalli biebu mbexxaq jew miftuħ, iżda llum lanqas tgħaddi minn ras ħadd li jagħmel dan. Filwaqt li żied jgħid li huwa minnu li r-residenti huma iktar imħassba, sostna li huma diversi l-Maltin li jużaw lill-barranin bħala skuża fejn jidħlu l-ġlied u anke ħmieġ fil-lokalità.

Graziella Galea, min-naħa l-oħra kompliet tgħid li minħabba dawn il-każi, jeħtieġ li tiżdied il-preżenza ta’ pulizija fil-lokalità, għaliex, “m’hawnx biżżejjed biex verament joffru s-sens ta' sigurtà mixtieq f'din il-lokalità. Minħabba f’dan, mhux dejjem hu possibbli li l-pulizija jsegwu każ immedjatament jew inkella li tara pulizija jagħmel rondi spontanji fit-toroq.” Galea żiedet tgħid, “żgur li jekk wieħed jara pulizija fit-triq, jiżdied is-sens ta’ sigurtà u jitnaqqas iċ-ċans li jsiru reati bħal atti vandali, u li min qiegħed jikser il-liġi fil-fatt jinqabad.” Is-sindku temmet b’appell biex tittieħed azzjoni sabiex dawn id-diffikultajiet soċjali li qegħdin jinħolqu, jonqsu jew jigu eliminati, “u dan qabel ma jikbru iktar u jkun tard wisq.”

Intant, filwaqt li kienu bosta dawk il-persuni li joqogħdu fil-lokalità li esprimew id-diżappunt u saħansitra r-rabja tagħhom għas-sitwazzjoni u dik li jaraw bħala deġenerazzjoni tal-lokal permezz tal-mezzi soċjali, uħud ħadu l-inizjattiva li jkunu huma li jnaddfu l-ħitan u jneħħu l-graffiti li ġew imħażża riċentament.

Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll li matul l-aħħar sena, kienu anke saru petizzjonijiet kontra negozji partikolari, li dwarhom, il-Kunsill Lokali kien qed jirċievi lmenti kontinwi. Huwa fatt magħruf fost ir-residenti u l-aġenti tal-proprjetà, li f’ċerti żoni hemm numru ta’ Maltin li qed ibigħu l-proprjetà tagħhom u jitilqu minn hemm. Ħafna minn dawn il-proprejtajiet imbagħad qed jinbiegħu għall-kiri.

 

More in Socjali