L-awtorità tal-Ippjanar ilbieraħ bdiet azzjoni diretta fuq biċċa art ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) f’Wied Qirda, fil-limiti tas-Siġġiewi. Permezz ta’ din l-azzjoni, tunnellati ta’ skart li kien ilu jintrema illegalment sa’ mill-2005 f’din iż-żona, issa qed jiġi mneħħi.
Tul dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità ġiet infurmata li minkejja l-infurzar fiż-żona magħrufa bħala tal-Bilbli, xorta kien qiegħed jintrema skart, bi ksur tal-infurzar. Għaldaqstant L-Awtorità imponiet multa kuljum sakemm dawk ħatja li kienu qed jarmu skart tal-bini fiż-żona, ineħħu u jnaddfu kollox sa żmien stipulat.
Iżda l-qbil ma’ ġiex irrispettat u l-iskart baqa’ ma tneħħiex tant li l-Awtorità kellha tieħu l-azzjoni diretta hija stess. L-ispejjeż kollha tal-operazzjoni tat-tindif se jkollhom jiġu mħallsa minn dawk ħatja tar-rimi illegali fiż-żona.