Tnedija tal-kampanja Children's Dreams

Taqta' x-xewqiet tat-tfal u tferraħ tfal li jaffaċċjaw problemi soċjali

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia nieda l-kampanja 'Children's Dreams' għas-sena 2016. Michael Farrugia qal illi l-kampanja ‘Children’s Dreams’, li qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Appoġġ, hija proġett illi se sservi biex tferraħ lil dawk it-tfal li qed jaffaċċjaw problemi soċjali.

Il-Ministru Farrugia qal illi t-tfal li jgħixu fir-residenzi jkollhom ix-xewqat tagħhom ukoll għall-Milied, u ħafna drabi ma jkollhomx min jista’ jaqtgħalhom xewqithom. Permezz ta’ din l-inizzjattiva, qal Michael Farrugia, ħafna tfal vulnerabbli jkunu jistgħu jifirħu fil-Milied.

Michael Farrugia spjega kif permezz ta’ dan il-proġett se tingħata l-opportunità lin-nies sabiex jgħinu lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal iwettqu l-ħolma ta’ uliedhom.

L-inizjattiva ‘Children’s Dreams’ qed taħdem permezz tas-sit www.childrendreams.org fejn persuna li tixtieq tgħin tista’ tidħol fil-website, tara x-xewqat tat-tfal, u tħalli d-dettalji tagħha.

Il-Ministru Farrugia qal illi dawn id-dettalji se jgħaddu biss għand is-social worker—b’mod kunfidenzjali—li tkun qed tieħu ħsieb lil dik it-tifla jew tifel partikolari.

Michael Farrugia għamel appell lill-mezzi tax-xandir sabiex iwasslu dan il-messaġġ f’ġieħ il-kuntentezza tat-tfal filwaqt li ħeġġeġ lil dawk il-kumpaniji u intrapriżi li dejjem jagħtu xi ħaġa għal min hu inqas iffurtunat sabiex jieħdu sehem f'din l-inizzjattiva.

More in Socjali