Il-kummisjoni għall-Ippjanar approvat li jibda’ x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq parti kbira mill-fortifikazzjonijiet tal-Furjana li jħarsu fuq il-Port il-Kbir.
Dawn il-fortifikazzjonijiet, iddiżinjati mill-Inġinier Taljan Pietro Paolo Floriani, li għalih il-belt hadet l-isem ta’ Floriana, ġew mibnija fi żmien il-Gran Mastru Antoine de Paul (1622-36) bl-iskop li jagħtu aktar protezzjoni lill-Belt Valletta. Tul is-snin dawn il-fortifikazzjonijiet soffrew ħsara u deterjorazzjoni estensiva minħabba tniġġiż, umdità, ħaxix ħażin li kiber fuqhom u erożjoni mir-raxx tal-baħar.
Ix-xogħol ta’ restawr se jinkludi t-tindif tal-ġebel minn ħmieġ li ddepożita ruħu tul is-snin, it-tibdil ta’ ġebel li jinsab totalment mikul, u tiswija tal-istrutturi fil-ġebel li bħalissa jinsabu laxki jew imkissrin.
Ix-xogħol ta’ ristrutturar u restawr se jsir kollhu skont metodi ta’ ristawr approvati u x-xogħol se jsir kollhu taħt is-superviżjoni tal-Awtortià tal-Ippjanar.