Wara għexieren ta' snin fejn Sliema ġiet abbandunata, issa Sliema tinsab taħt assedju bħal qatt qabel. Bi żvilupp ippjanat jew diġa beda fi kważi kull triq, it-toroq dojoq tagħna iridu jlaħħqu mat-traffiku kollu u parkeġġ hemm bżonn spazju għal mijiet ta' karrozzi bl-appartamenti ġodda li qed jinbnew. Żviluppaturi hekk imsejħa 'cowboys' qed jaħdmu bl-addoċċ fejn qed jimlew kullimkien bi trab u jdejqu lir-residenti anke f'festi pubbliċi u donnhom li dawn ħadd ma jinforza l-liġi fuqhom. Il-bankini qed jiġu ngumbrati u nkissra fejn la tista tgħaddi b'puschair u aħseb u ara b'xi wheelchair. Filwaqt li l-bini qed dejjem jgħolha fit-toroq dojoq, ir-residenti qed jiġu magħluqa bla dawl u arja madwarhom. Ir-residenti li jgħixu ħdejn iż-żona tas-Savoy qed jifgaw bl-exhaust. Ir-residenti ta' Qui Si Sana u Tigne ilhom jiffaċċjaw snin twal ta' bini bla waqfien, filwaqt li l-oħrajn ma jistgħux jorqdu bl-istorbju ta' nightclubs li qed ifeġġu kullimkien.
Is-Sibt li ġe fil-11 ta' filgħodu r-residenti se jgħidu DAQSHEKK meta se jiltaqgħu Dingli Circus biex jipprotestaw u qed jitolbu lil Maltin kollha jingħaqdu magħhom għax din saret problema ta' Malta kollha u mhux tas-Slimiżi biss, fejn żviluppaturi abbużivi qed jfarrku kull m'hemm, ikissru l-wirt nazzjonali Malti, jipprotestaw għal nuqqas ta' parkeġġ, għat-traspoirt pubbliku u għal pollution tal-ħoss li qed jaffetwa lil saħħitna.
Għalhekk dawk li jridu ambjent aktar b'saħħtu u kwalita ta' ħajja aħjar huma mħeġġa jattendu għal dion il-protesta organizzata minn FLIMKIEN GĦAL ĦAJJA AĦJAR bis-sapport tal-Kunsill Lokali Sliema. Dawn qed iħeġġu lil poplu jattendi bi ħġaru għax is-saħħa qiegħdha fil-kwantita.