Jum iż-Żgħażagħ, li se jkun iċċelebrat fid-dinja nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Awwissu, fetaħ bl-ewwel attività, organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ fil-Youth Village ta’ Santa Venera u inkludiet diskussjoni dwar it-tema magħżula din is-sena mill-Ġnus Maqgħuda ‘Il-ġlieda kontra l-faqar’. Fid-diskussjonijiet taw is-sehem tagħhom rappreżentanti minn Caritas Malta li tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom u dwar il-vizzji li jistgħu jwasslu għall-faqar speċjalment dawk li għandhom rabta maż-żgħażagħ.
"Il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex ħadd ma jaqa’ lura fil-battalja kontra l-faqar". Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt l-ewwel attività organizzata sabiex ikun imfakkar Jum iż-Żgħażagħ.
"Attivitajiet bħal dawn," sostna Agius, "huma importanti għaliex iż-żgħażagħ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jisimgħu lil ħaddieħor, filwaqt li jitgħallmu dwar il-konsegwenzi u x’jistgħu jagħmlu sabiex jgħinu lilhom infushom." Huwa kompla jgħid li l-edukazzjoni hija l-arma sabiex wieħed jikkumbatti l-faqar u anke jekk bħalissa r-rata tal-qgħad hija l-anqas fl-Ewropa, wieħed ma jistax ma jħarisx ’il quddiem sabiex b’ħidma u determinazzjoni jibqa’ jitgawda dan is-suċċess.