filmat | Isibu l-monti ma’ wiċċhom kif jidħlu l-Belt

In-nies li daħlu l-Belt dalgħodu ntlaqaw b’sorpriża hekk kif sabu l-monti ma’ wiċċhom quddiem il-Parlament

Il-Monti jimxi fi Triq l-Ordinanza - Ritratti ta' Chris Mangion
Il-Monti jimxi fi Triq l-Ordinanza - Ritratti ta' Chris Mangion

Mingħajr ma l-poplu ma kien mgħarraf, dalgħodu, dawk li daħlu l-Belt intlaqgħu b’sorpriża hekk kif sabu madwar 34 bankarelli tal-monti ma’ wiċċhom fi Triq l-Ordinanza, quddiem il-Parlament.

Il-Monti jiċċaqlaq għal Triq L-Ordinanza minn dalgħodu - filmat ta' Chris Mangion

Filwaqt li l-pubbliku ma kienx jaf li l-monti kien se jiċċaqlaq minn Triq il-Merkanti illum, il-bejjiegħa kienu nfurmati minn qabel u mxew mad-direttivi li ngħataw lilhom. 

Ir-reazzjonijiet fost il-bejjiegħa huma mħallta u fil-mument mhux ċerti hekk kif għadhom ma jafux kif se tkun ir-reazzjoni tal-pubbliku għal-dan il-post ġdid fej jarma' l-monti.

Din il-biddla kontroversjali fil-post fejn jarma' l-monti kellha sseħħ kmieni s-sena li għaddiet, iżda baqgħet tiġi posposta minħabba raġunijiet ta' loġistika, l-opinjonijiet konfliġġenti tal-pubbliku u fuq kollox, id-disinn tal-bankarelli.

Infatti, aktar kmieni din is-sena, ġie magħzul disinn partikolari għall-bankarelli, li ma ntlaqaf tajjeb mill-bejjiegħa minħabba nuqqas ta' funzjonalità adegwata għall-ħtiġijiet tagħhom. 

Peress li għadu ma ntlaħaqx qbil fuq id-diżinn, il-banakrelli li ntramaw dalgħodu fi Triq l-Ordinanza, kienu l-istess bankarelli l-qodma li kulħadd imdorri jara fi Triq il-Merkanti.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji żgħar, ingħad li d-deċiżjoni li l-monti jiċċaqlaq għal Triq l-Ordinanza kienet parti mill-impenn li għamel il-Gvern fil-baġit tal-2014, fejn kien ġie ddikjarat li "Il-Monti fil-Belt Valleta se jimxi fi Triq l-Ordinanza. Din il-miżura se tkun ta' benefiċju kemm għan-negozjanti, kif ukoll għax-xerrejja hekk kif din se tagħmel il-monti iktar aċċessiblli."

"Din il-bidla fil-post saret b'komformità mal-impenn tal-gvern biex jissalvagwardja l-interess tal-bejjiegħa tal-monti u l-familji tagħhom, li jiddependu minn dan il-kummerċ, u anke għall-konsumaturi stess. Bħall ma sar fil-passat, il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji żgħar se jibqa' jikkollabora mall-bejjiegħa tal-monti, sidien ta' ħwienet fil-Belt Valletta u partijiet interessati oħra, sabiex tiżamm it-tradizzjoni tal-monti."

More in Socjali