filmat | ‘Id-daħla tal-Belt se tingħata libsa xierqa’

Proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Tritoni u ż-żona tal-madwar

Dehra artistika ta' kif għandha tidher il-pjazza wara r-riġenerazzjoni  | ritratt: Chris Mangion
Dehra artistika ta' kif għandha tidher il-pjazza wara r-riġenerazzjoni | ritratt: Chris Mangion

It-telqa u l-iżdingar fiż-żona ta’ Pjazza Tritoni se jiġi fi tmiemu bir-riġenerazzjoni ta’ Pjazza Tritoni, il-foss tal-Belt u ż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin.

Din iż-żona se tkun qed issir żona pedonali sabiex tingħata dehra isbaħ għad-daħla tal-belt kapitali. Iż-żona se tkun qed tikber u tiżdied b’madwar 13,000 metru kwadru.

Dan il-proġett, waqt li se jkun qed jagħti importanza lill-funtana tat-Tritoni, se jkun qed jagħmel din iż-żona pedonali waħda aċċessibbli għal kulħadd. Se jinżergħu għadd ta’ siġar indiġeni, waqt li l-pavimentar se jkun qed isir b’ġebel tal-qawwi ta’ Malta.

Wieħed mill-periti responsabbli saħaq li l-persuni li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, se jkunu qed jibbenefikaw minn dan il-proġett, hekk kif se jkunu qed jinżlu mill-ewwel f’żona pedonali u jkollhom aċċess aħjar u ħafna iktar faċli sabiex jibqgħu deħlin il-Belt.

Fost il-faċilitajiet li se jkun hemm f’din il-pjazza, se jkun hemm numru ta’ kiosks, ċentru għat-turisti u taxis.

Se jkun riġenerat ukoll il-foss, li se jinbidel fi ġnien miftuħ, flimkien ma’ restawr tal-pont ewlieni li jwassal għall-belt u l-pont l-antik tal-linja tal-ferrovija.

Il-proġett qed isir b’ħidma bejn il-korporazzjoni għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, id-Direttorat tar-Restawr u l-uffiċċju ta’ Renzo Piano.

More in Socjali