800 liċenzja ġdida din is-sena għal muturi 125cc

Jiżdiedu bi 15-il darba, il-liċenzji maħruġa għall-muturi b’magna kbira

In-numru ta’ persuni li huma fil-pussess ta’ liċenzja sabiex isuqu mutur fit-toroq Maltin kompla jikber, u din is-sena prattikament sploda, b’800 persuna tingħata ċ-ċertifikat biex issuq mutur ta’ 125cc fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena. John Mamo, direttur ta’ kumpanija tat-tagħlim ta’ sewqan tal-mutur għal dawn l-aħħar 30 sena, u bejjiegħ ewlieni tal-muturi lokalment qal li sa issa, marru mal-185 persuna fl-iskola li hu jmexxi sabiex jagħmlu l-kors magħhom biex jakkwistaw il-liċenzja. “Dan minkejja li l-iskola tagħna ma bdietx tagħti dawn il-korsijiet mill-bidu tas-sena, iżda ftit wara skejjel oħra sakemm stajna noħolqu sistema effiċjenti ta’ kif se jkun qed jaħdem dan il-kors,” sostna Mamo.

Din iż-żieda kienet ftit jew wisq prevedibbli, anke jekk forsi mhux fin-numri li kibret bihom, minħabba l-bosta vantaġġi li joffri mutur, il-kriterji ferm sempliċi li wieħed irid jissodisfa sabiex japplika, u anke l-prezz ferm baxx introdott din is-sena ta’ €10 għal-liċenzja tat-triq għal mutur b’ċilindrata baxxa ta’ mhux iktar minn 125cc.

Minkejja dan, żieda sorprendenti dehret b’mod partikolari fil-liċenzji ta’ muturi ikbar, b’saħħa tal-magna ferm ikbar. In-numru ta’ liċenzji maħruġa minn Transport Malta għal dawn it-tip ta’ muturi f’din is-sena sa issa, jilħaq iċ-ċifra ta’ 360, u dan meta mqabbel mal-ammont tas-sena ta’ qabel ta’ 24 liċenzja biss. Dan jikkwantifika għal żieda ta’ 1400% jew 15-il darba iktar mill-ammont tas-sena l-oħra.

John Mamo, qal lil din il-gazzetta li dan jista’ jkun grazzi għall-istess liċenzja tal-muturi ż-żgħar li tiġi akkwistata wara li persuna jkollha l-liċenzja tal-karozza. Dan għaliex, skont Mamo, is-sewwieqa qed jakkwistaw il-kunfidenza fit-triq u jidraw iktar kif għandha taġixxi persuna fuq mutur, fit-toroq Maltin. Minn hemmhekk imbagħad, wara xi żmien isuqu l-mutur iż-żgħir, ikunu akkwistaw biżżejjed esperjenza fit-triq sabiex ikunu kunfidenti japplikaw għal-liċenzja ‘A’ biex isuqu muturi b’magni ferm ikbar.

Minn ċifri mogħtija minn Transport Malta, in-numru ta’ liċenzji maħruġa din is-sena sa issa f’kull kategorija, esperjenza żiediet kbar, għajr għall-kategorija A1 li rat tnaqqis, minħabba li issa, il-liċenzja l-ġdida tagħmilha ferm iktar faċli li ġġib din il-liċenzja, minflok isiru l-lezzjonijiet normali li bħala medja jieħdu mat-tliet xhur sakemm finalment, student ikun lest jitla’ għat-test.

Il-proċess biex wieħed jakkwista l-liċenzja għall-muturi 125cc huwa wieħed pjuttost faċli u ma jiħux wisq żmien. Persuni li għandhom liċenzja B tal-vetturi, jiġifieri dawk li jistgħu jsuqu karozza komuni, sa minn din is-sena kellhom l-opportunità li jsuqu wkoll muturi żgħar, jiġifieri ta’ ċilindraġġ li ma jaqbiżx il-125cc jekk jattendu għal kors. Diversi skejjel joffru dawn il-korsijiet intensivi fuq bażi regolari għal dawk li jixtiequ jġibu din il-liċenzja fi żmien qasir. Ir-rekwiżiti għal din il-liċenzja huma biss li l-istudent ikun fil-pussess ta’ liċenzja tal-karozza, u minn hemm, kollox f’idejn l-iskola, biex l-istudent irid jattendi seba’ sigħat ta’ sessjonijiet tal-prattika, u tliet sigħat ta’ lezzjonijiet tat-teorija.

More in Socjali