Tletin assoċjazzjoni sportiva u atleti individwali bbenefikaw minn skemi ta’ assistenza ta’ SportMalta. L-għoti tal-assistenza jingħata fi spazju ta’ tliet xhur u din hija t-tieni ċerimonja għas-sena 2016.
F’indirizz lil dawk preżenti s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius aċċenna għar-rispett li qed igawdi pajjiżna f’fora internazzjonali, liema rispett qed jissarraf f’aktar assoċjazzjonijiet sportivi barranin li jagħżlu lil Malta sabiex jorganizzaw avvenimenti sportivi. Fakkar li l-isport f’pajjiżna huwa mmexxi minn voluntiera li jagħmlu l-almu tagħhom biex jilħqu s-suċċessi mixtieqa. Kien għalhekk, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari, li t-tema tal-volontarjat se jkollha rwol importanti fit-temi diskussa waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega kif l-entità qed tagħmel l-almu tagħha sabiex il-finanzi jmorru għand l-għaqdiet fl-iqsar żmien possibbli. Minbarra hekk il-bord tad-diretturi qiegħed fil-proċess li japprova skemi ġodda bil-għan li aktar atleti u assoċjazzjonijiet jibbenefikaw. Huwa ta rendikont tal-proġetti li għaddejjin bħalissa kemm fil-faċilitajiet eżistenti ta’ SportMalta kif ukoll f’oħrajn imxerrda madwar il-pajjiż. Mark Cutajar ħabbar li pajjiżna se jkun qed jospita wieħed mill-akbar fora internazzjonali fl-Ewropa, il-European Sport Forum, li se jsir bejn l-14 u l-15 ta’ Marzu 2017.