Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana lbieraħ attendiet għaċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati tal-kors dwar il-lingwa Maltija tas-sinjali li għall-ewwel darba ġie organizzat f’Għawdex. Permezz ta’ ftehim bejn il-Gozo Association for the Deaf u s-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, l-istess segretarjat iffinanzja dan il-kors organizzat mill-GAD biex jingħata b’xejn lil dawk kollha li attendew.
Justyne Caruana qalet li dan il-kors ikompli juri l-impenn sħiħ li l-Gvern għandu b’risq l-aġenda tal-persuni neqsin mis-smigħ f’pajjiżna. Fakkret li ftit tax-xhur ilu pajjiżna rrikonoxxa l-lingwa Maltija tas-sinjali bħala lingwa uffiċjali ta’ pajjiżna biex b’hekk Malta tingħaqad ma’ diversi pajjiżi Ewropej li għandhom il-lingwa uffiċjali tagħhom. Dan ġie kumplimentat ukoll bil-ħolqien ta’ servizz ġdid tal-Gvern ta’ interpreti tal-lingwa tas-sinjali li qed isir permezz ta’ interpreti ingaġġati mal-Aġenzija Support sabiex jagħtu dan is-servizz lil min ikollu bżonn.
Żiedet li s-segretarjat immexxi minnha daħal f’taħdidiet mal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali biex flimkien mal-PBS u produtturi tad-drama ‘Strada Stretta’ ġew introdotti s-sottotitoli biex din id-drama tkun tista’ titgawda mill-persuni neqsin mis-smigħ. Fil-fatt reġgħu bdew it-taħdidiet opportuni biex dan il-proġett ikompli jissaħħaħ fl-iskedi li jmiss.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat ma’ dawk preżenti li huwa l-impenn tal-Gvern li jiggarantixxi d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kollha, mhux l-inqas lill-persuni neqsin mis-smigħ. Dan ukoll fl-isfont tal-Politika Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità kif ukoll l-Istrateġija Nazzjonali biex appuntu tiġi implimentata din il-politika, u dan permezz ta’ madwar tmenin miżura li qed jiġu proposti. Temmet billi rringrazzjat u ferħet lis-Sinjura Carmen Grech għan-nom tal-Gozo Association for the Deaf tal-impenn tal-assoċjazzjoni fil-qasam u awgurat iktar kollaborazzjoni bejn il-partijiet konċernati.