Permezz ta’ finanzjament mill-Fond għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (NGO Fund), nisa li ġejjin minn sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità jew li għandhom aktar minn 45 sena għadhom kemm temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ fl-indukrar tat-tfal.
It-taħriġ organizzat mill-NGO KOPIN sar bil-għan li jkabbar il-ħiliet tal-parteċipanti fosthom anke dawk personali biex dawn ikun jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Apparti dan, it-taħriġ iffoka fuq temi relatati mal-indukrar tat-tfal fosthom l-iżvilupp u l-imġieba tat-tfal, l-importanza tal-logħob, sinjali u sintomi ta’ abbuż, u l-użu tal-arts u crafts u story telling fost oħrajn.
Ma’ dawn, il-parteċipanti rċevew ukoll taħriġ f’saħħa u sigurtà, food handling u taħriġ fl-ewwel għajnuna. It-taħriġ kellu wkoll l-aspett prattiku fejn il-parteċipanti qattgħu 30 siegħa f’ċentri privati u pubbliċi għall-ħarsien tat-tfal.
F’ċerimonja qasira fl-għeluq ta’ dan il-kors, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli rringrazzjat lill-għaqda mhux governattiva KOPIN li bil-ħidma tagħha fost nisa vulnerabbli, qed tikkontribwixxi biex tindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ ħiliet edukattivi.
Dalli ferħet lill-parteċipanti li ddeċidew li jitħarrġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li fissret l-importanza li dan għandu fuq livelli differenti, mhux biss għalihom personali iżda wkoll għall-familji tagħhom.
Hija qalet li bis-saħħa tal-introduzzjoni taċ-child care bla ħlas għall-ġenituri kollha li jaħdmu jew li għadhom jistudjaw, id-domanda għas-servizz ta’ child minding żdiedet sostanzjalment u, għaldaqstant, dan il-kors se jservi ta’ utilità biex il-persuni eventwalment isibu impjieg fis-settur.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali Joseph Camilleri saħaq fuq l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u qal li parti mill-viżjoni tal-ministeru hi li jara li jkun hemm tagħlim kontinwu. Huwa rringrazzja lill-uffiċċju tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju li għandu f’idejh it-tmexxija tal-fondi għall-NGOs.
Il-koordinatur tal-proġett Roderick Agius tkellem dwar l-esperjenza pożittiva tal-parteċipanti tul it-taħriġ u fisser kif dawn urew ix-xewqa li jkomplu jitħarrġu anke f’oqsma differenti.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Ministru Helena Dalli qassmet ċertifikati lill-parteċipanti kollha.