Ambjentalisti jgħidu li l-bini għoli huwa theddida

FAA u Din l-Art Ħelwa jgħidu li l-bini għoli propost għall-Imrieħel 'se jimblokka l-veduta bejn l-Imdina u l-Belt Valletta'

Impressjoni artistika tal-bini għoli li jimblokka l-veduta bejn l-Imdina u l-Belt Valletta
Impressjoni artistika tal-bini għoli li jimblokka l-veduta bejn l-Imdina u l-Belt Valletta

Fi stqarrijiet separati minn 'Din l-Art Ħelwa' u 'Flimkien għal-Ambjent Aħjar', qegħda tintalab il-konsiderazzjoni ambjentali minn naħa tal-Gvern, l-Oppożizzjoni u kull awtoritá kkonċernata dwar il-proposta ta' bini għoli fiż-żona tal-Imrieħel. Iż-żewġ għaqdiet qegħdin jitolbu sospensjoni temporanja minn dawn il-proġetti sakemm isir studju dettaljat.

Skont iż-żewġ għaqdiet, "Jekk il-bini fl-Imrieħel jiġi approvat, dan jiġi preċiżament bejn l-Imdina u l-Belt Valletta u jimblokka u jkerraħ il-veduta storika li tattira tant turisti jżuru l-Imdina."

'Din l-Art Ħelwa' qegħdin jitolbu biex il-Gvern jikkonsidra sew il-pożizzjoni tiegħu dwar il-bini għoli, li jekk jiġi approvat se jħalli impatt negattiv irriversibbli fuq Malta. 'Flimkien għal-Ambjent Aħjar', iżidu li apparti l-impatt serju fuq il-veduta, il-proġett tal-Imrieħel se jħalli effetti negattivi oħrajn fuq iż-żona u r-residenti tal-madwar. Dan għaliex l-iżvilupp eventwalment iżid 3000 karozza fit-toroq tal-Imrieħel, filwaqt li jipprovdi biss parkeġġ għal-1000 karozza. Dan minbarra l-impatt serju fuq is-sistema tat-traffiku.

Skont 'Flimkien għal-Ambjent Aħjar', il-proposta dwar il-bini fl-Imrieħel għanda tiġi deċiża llum. Flimkien ma residenti u nies imħassba dwar l-impatt ta' dan l-iżvilupp, dawn l-għaqdiet qegħdin jitolbu lill-Gvern, l-Oppożizzjoni u kull awtoritá kkonċernata biex qabel japprovaw proġetti ta' din l-iskala jikkonsultaw mal-pubbliku u jagħmlu studju ta' pjan ħollistiku dettaljat, li jikkonsidra l-impatti kollha li proġetti ta' dan il-kalibru se jħallu fuq Malta.

'Flimkien għal-Ambjent Aħjar' qegħdin jistiednu l-pubbliku jżur il-website tagħhom u jiffirmaw petizzjoni biex l-iżvilupp jiġi temporanjament imwaqqaf sakemm isiru pjanijiet aħjar.

More in Socjali