Varat il-proġett pilota tal-Pulizija tat-Turiżmu f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan

41 Pulizija tat-Turiżmu jtemmu b’suċċess taħriġ fl-ITS u fl-Akkademja ta’ Kandja

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis varaw il-proġett pilota tal-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema. F’din l-okkażjoni ngħataw ċertifikati lil madwar 40 pulizija li se jagħtu s-servizz tagħhom fiż-żoni turistiċi wara taħriġ li rċevew mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u taħriġ ieħor fl-Akkademja ta’ Kandja fuq ħidma tal-pulizija orjentata lejn it-turisti, ir-reati li jaffettwaw lit-turisti, żamma tal-ordni f’żoni problematiċi u ħiliet fl-ewwel għajnuna.

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li mal-bidu tal-istaġun tas-sajf jitnieda dan il-proġett pilota magħmul minn pulizija mqassma fi gruppi ta’ erbgħa f’kull shift. Iż-żona tar-rondi se tinqasam minn Spinola sa Għar id-Dud u minn Tigné Point sal-Pont ta’ Manoel Island, inkluża Triq Biżazza. Ix-shifts stipulati għax-xhur tas-sajf, kuljum, se jkunu bejn is-sagħtejn ta’ waranofsinhar sas-sagħtejn ta’ filgħodu. Il-Ministru Abela qal li ‘l quddiem se ssir evalwazzjoni ta’ dan il-proġett biex jiġi studjat il-futur tiegħu.

Żied jgħid li din il-miżura hija immirata sabiex tkompli ssaħħaħ is-servizz tas-sigurtà, offrut kemm lit-turisti, kif ukoll liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jżuru dawn iż-żoni turistiċi. Il-Ministru Abela spjega li dawn il-pulizija se jsaħħu s-sorveljanza ta’ dawn iż-żoni turistiċi permezz ta’ rondi kontinwi, filwaqt li jagħtu pariri siewja lit-turisti fuq prevenzjoni ta’ reati sinonimi mat-turiżmu anke fuq livell Ewropew, u joffru assistenza lit-turisti meta jkun meħtieġ, dwar kif isiru rapporti lill-pulizija.

Ikkjarifika li waqt dan il-proġett pilota, il-Pulizija tat-Turiżmu se jirrappurtaw lis-superjuri tagħhom fid-distrett u x-xogħol li se jwettqu marbut ma’ dan il-proġett se jkun b’żieda mad-doveri tagħhom bħala extra duty.

Il-Ministru għall-Intern temm jgħid li fiż-żmien li ġej dawn il-pulizija se jingħataw vettura elettronika sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirhom b’aktar effettività u b’kumdità. Fil-fatt, fil-ġranet li ġejjin, se jinħareġ tender għal vetturi ffinanzjati mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis insista dwar l-importanza li tiżdied il-preżenza tal-pulizija fiż-żoni turistiċi minħabba li dawn il-lokalitajiet huma karatterizzati minn volum kbir ta’ viżitaturi u pressjonijiet assoċjati ma’ densità għolja, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà kemm tat-turisti kif ukoll tal-Maltin. Spjega wkoll li r-rwol tal-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi se jkun estiż u se jkollhom ħiliet differenti minn membri oħra tal-pulizija, għalhekk ġew imħarrġa sabiex ikunu jistgħu jaqdu lit-turisti u jgħaddulhom l-informazzjoni li jkollhom bżonn. Il-Ministru għat-Turiżmu żied jgħid li l-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi se jkunu mistennija:

-         jipprovdu tagħrif ġenerali, fosthom informazzjoni fuq postijiet storiċi u l-istorja u l-kultura Maltija;

-         jipprovdu informazzjoni relatata mad-drittijiet tal-konsumatur u l-liġijiet relatati mas-settur tal-ospitalità lit-turisti;

-         jimmoniterjaw postijiet iffullati fejn it-turisti huma partikolarment preżenti, bħal xtajtiet, promenades, eċċ

Il-ħtieġa tal-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi nħasset wara diversi taħdidiet bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, flimkien mal-Korp tal-Pulizija, il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi kif ukoll operaturi u rappreżentanti tal-industrija turistika. Zammit Lewis żied li ntlaħaq ftehim sabiex dan il-proġett pilota jitnieda fiż-żona ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġiljan - żona mill-aktar importanti kemm fl-influss ta’ turisti, in-numru ta’ sodod kif ukoll minħabba l-komunità lokali u l-iżvilupp taż-żona. ‘Il quddiem, dan il-proġett jiġi estiż għal żoni turistiċi oħrajn.

Il-Ministru għat-Turiżmu insista dwar l-importanza ta’ taħriġ għal dawn il-membri minħabba li se jipprovdu informazzjoni lit-turisti dwar suġġetti varji inkluż liġijiet, drawwiet u kultura. Zammit Lewis saħaq ukoll li huwa importanti li l-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi jżommu relazzjoni pożittiva u kuntatt kontinwu mal-partijiet interessati ewlenin, fosthom ir-rappreżentanti u l-operaturi, kif ukoll mal-komunità lokali b’mod ġenerali.

Il-Ministru għat-Turiżmu għalaq billi fakkar li Malta hija meqjusa bħala wieħed mill-pajjiżi l-aktar siguri fl-Ewropa u sostna li m’għandna qatt nissottovalutaw il-valur tal-perċezzjoni pożittiva meta niġu biex nippromwovu l-Gżejjer Maltin fis-suq internazzjonali.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u l-Ministru għat-Turiżmu ferħu lill-pulizija kollha talli temmew it-taħriġ tagħhom b’suċċess u sostnew li permezz tal-introduzzjoni tal-Pulizija tat-Turiżmu fiż-żoni turistiċi twettqet wegħda elettorali oħra.

More in Socjali