'Żommu l-prezz kummerċjali, inkella jkun hemm diskriminazzjoni'

L-MDA tappella lill-Gvern biex it-trasferiment ta' art pubblika lill-privat, ma ssirx b'xi rata baxxa

Il-Malta Developers Association tappella lill-Gvern sabiex meta jkun hemm trasferiment ta' art pubblika lill-privat għal skopijiet ta’ żvilupp, il-prezz għandu jkun wieħed kummerċjali tal-ġurnata u mhux b’xi rati baxxi. Dan il-prezz għandu jieħu in konsiderazzjoni l-volum ta’ bini li ser ikun permissibbli fuq l-art li se tkun trasferita, kif ukoll in-natura tal-iżvilupp.

"Dan huwa importanti, kemm biex l-istat iħares il-ġid komuni, kif ukoll biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta bejn żviluppaturi li jixtru art tal-privat b’rati kummerċjali u oħrajn li jixtru art pubblika b’rati baxxi. B’hekk ma jkunx hemm il-level playing field li hi meħtieġa biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni inġusta," kompliet tgħid l-għaqda tal-iżviluppaturi.

L-MDA, fi stqarrija tirreferi għan-negozjati li qed isiru mill-Gvern dwar it-trasferiment ta’ siti lill-privat bl-iskop li dawn ikunu żviluppati, fosthom is-sit magħruf bħala 'White Rocks' u oħrajn, partikolarment billi dawn l-iżviluppi jinkludu postijiet residenzjali li se jitpoġġew fuq is-suq b’kompetizzjoni ma’ żviluppi oħra li jkunu inbnew fuq art privata.

L-MDA insistiet ukoll li l-Gvern għandu wkoll joqgħod attent jevita l-bejgħ ta’ numru sostanzjali ta’ siti kollha f’daqqa, bl-iskop li dawn ikunu żviluppati sostanzjalment b’postijiet residenzjali. "Dan jista’ jwassal għal effetti negattivi fis-suq tal-proprjetà, b’detriment għal kull min hu sid ta’ proprjetà privata. F’każ bħal dan, ikun l-istess gvern li joħloq bużżieqa artifiċjali fin-negozju tal-proprjetà u dan għandu jkun evitat," kompliet tgħid l-MDA

F’dan ir-rigward, l-MDA temmet tgħid li taqbel perfettament mal-Ministru tal-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna, li dan l-aħħar emfasizza l-importanza li ebda settur ekonomiku m’għandu jitħalla jikber iż-żejjed u jilħaq il-limitu tal-kapaċità tiegħu (overheat and reach overcapacity).

More in Socjali