L-Università ta’ Malta tingħata apparat sofistikat permezz tal-Fond RIDT

Jasmine Vella studenta fil-PhD li diġa bdiet taħdem fuq l-apparat il-ġdid EVOS®FL Auto  Imaging System awtomatizzat
Jasmine Vella studenta fil-PhD li diġa bdiet taħdem fuq l-apparat il-ġdid EVOS®FL Auto Imaging System awtomatizzat

L-Università ta’ Malta ngħatat għotja ta’ apparat mill-aktar sofistikat li ser jgħin l-istudju li għaddej bħalissa mill-Grupp tar-Riċerka dwar il-Puplesija fid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Biokimika. L-apparat il-ġdid, msejjaħ EVOS®FL Auto Imaging System awtomatizzat, ingħata minn E.J. Busuttil Limited ta’ B’Kara, wieħed mid-distributuri ewlenin ta’ prodotti relatati mal-kura tas-saħħa u laboratorji.

L-għotja kienet iffaċilitata permezz tal-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT).

Il-EVOS®FL Auto Imaging System kienet żviluppata għall-applikazzjoni avvanzata ta’ imaging awtomatizzat, bħal time-lapse imaging, multiwell plate scanning, image stitching u tiling, u cell counting. L-apparat il-ġdid hu magħmul minn kompjuter, sors ta’ dawl LED, filters u lista ta’ prerekwiżiti elenkati mill-Grupp ta’ Riċerkaturi stess li ser juża dan l-apparat.

Il-Professur Mario Valentino, il-Kap tal-Grupp tar-Riċerka dwar il-Puplesija fl-Università ta’ Malta, qal li din l-għodda importanti ser tippermetti lir-riċerkaturi jeliminaw fatturi kumplessi li jinsabu f’microscopy avvanżata, filwaqt li jinżammu l-ogħla livelli ta’ prestazzjoni. Hu qal li, “din hi għotja sinifikanti u ninsabu grati ħafna għall-kollaborazzjoni li għandna ma’ E.J. Busuttil Ltd. Din l-għodda ser tipprovdina b’imaging ta’ kwalita’ għolja, b’mod iktar faċli minn qatt qabel. Id-disinn innovattiv għall-aħħar tiegħu b’ hardware/software integrati, mingħajr bżonn ta’ bozoz, mingħajr allinjament, u mingħajr spejjeż jew manutenzjoni, ser ikun ta’ benefiċċju kbir għat-tim ta’ riċerkaturi tagħna li qed jaħdmu fuq baġit ristrett ħafna.”

Edwin Busuttil, Direttur Maniġerjali ta’ E.J. Busuttil Ltd, qal, “bħala wieħed mid-distributuri ewlenin ta’ tagħmir relatat mal-kura tas-saħħa u laboratorji, għandna l-impenn li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità tagħna. Li nkunu ta’ assistenza kbira għall-Università tà Malta fil-ħidma tagħha għal riċerka dwar il-puplesija, hu mod prattiku ieħor ta’ kif nistgħu ngħinu.”

It-tagħmir kien mibgħut direttament mill-manifatturi u installat minn inġinier tal-kumpanija.

Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv ta’ RIDT, qal: “Rigal, bħalma dan, hu ta’ importanza kbira biex jgħin lill-Università tkun minn ta’ quddiemnett. Ninsabu grati għall-E.J. Busuttil Ltd għal din l-għotja tagħhom tal-apparat u talli ssieħbu mal-Fond tar-Riċerka tal-Università.”

More in Socjali