Fl-aħħar jiem ġie ffirmat ftehim ta’ koperazzjoni bejn Malta u l-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO), li se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn pajjiżna u l-WHO.
Il-ftehim bejn iż-żewġ partijiet ġie ffirmat mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u Zsuzsanna Jakab, Direttur Reġjonali tal-WHO, waqt l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li saret f’Geneva.
Il-Malta-WHO Regional Office for Europe Country Cooperation Strategy 2016-2021 jelenka erba’ punti strateġiċi għall-koperazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa f’Malta u l-Uffiċċju Reġjonali Ewropew tal-WHO li jinkludu: it-tisħiħ ta’ sistema ta’ kura tas-saħħa, li jkunu indirizzati non-communicable diseases fosthom l-obeżità u s-saħħa mentali, preparazzjoni u rispons f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u saħħa tal-immigranti, kif ukoll ir-rwol u l-kontribut ta’ Malta fejn tidħol is-saħħa pubblika globali.
Bejn Malta u l-WHO ġie ffirmat ukoll ftehim ta’ kollaborazzjoni biennali għas-snin 2016-2017. Dan il-ftehim jenfasizza s-setturi li fihom il-WHO se tipprovdi appoġġ tekniku lil Malta. Dawn is-setturi jinkludu: l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar in-nutriment, żvilupp fil-kapaċità ta’ riċerka tas-saħħa u skambju ta’ taħriġ u studju fis-saħħa, sigurtà fl-isptar u taħriġ tal-impjegati. Dan il-ftehim jinkludi wkoll rwol ewlieni tal-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne biex jitwaqqaf ċentru ta’ informazzjoni għas-saħħa bejn stati żgħar.