"Malta xorta għandha tiġi investigata u tittella' fil-Qorti Ewropea, anke jekk isir il-moratorju." Hekk sostna d-direttur ta' BirdLife Europe dwar il-fatt li hemm ċans li Malta ddaħħal moratorju fuq il-gamiem. Angelo Caserta, direttur ta' BirdLife Europe żied jgħid li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga lil Malta talli possibbilment kisret il-liġi Ewropea meta tat permess biex fl-istaġun tal-kaċċa ta' din is-sena, il-kaċċaturi Maltin jisparaw fuq 5,000 gamiema, li hija speċi vulnerabbli.
Il-gazzetta MaltaToday irrappurtat kif Caserta kompla jgħid li jekk isir moratorju, jiġifieri twaqqif temporanju ta' kaċċa fuq speċi, ikun sinjal ta' rieda tajba min-naħa tal-kaċċaturi, iżda "ma naħsibx li se jkollha impatt fuq jekk il-Kummissjoni Ewropea tiftaħx kawża kontra Malta.
Min-naħa tiegħu, kelliem għall-Kummissarju Ewropew Malti Karmenu Vella, Enrico Brivio qal li ma jistax jiċħad jew jikkonferma jekk il-Kummissjoni Ewropea hux se ttella' lil Malta l-Qorti fuq ksur ta' liġi għaliex intqal li ma jistgħux jitħabbru deċiżjonijiet relatati ma' ksur ta' liġijiet bil-quddiem.