L-edizzjoni tal-Eurovision ta' din is-sena rat żieda ta' 120% fir-reklamar u fl-isponsors. Dan ġie żvelat mill-Public Broadcasting Services fi stqarrija, fejn ġie nnutat bi pjacir is-suċċess finanzjarju miksub mill-attivitajiet kummerċjali relatati mal-Eurovision 2016.
Intqal ukoll li din iż-żieda sostanzjali nkisbet wara ħafna snin, mingħajr rikors għall-fondi mogħtija mill-Gvern bħala parti mill-Public Service Obligations.
"Għaldaqstant," tkompli tgħid l-istqarrija, "dan id-dħul addizzjonali wassal biex il-PBS seta' jesegwixxi l-politika tiegħu ta' awto-finanzjament u awto sostenibilità."
Fil-fatt, il-PBS kompliet tgħid li l-kumpanija għamlet qligħ mill-attivitajiet kummerċjali li b'xi mod kienu relatati mal-parteċipazzjoni ta' Malta fil-Eurovision. "Is-suċċess finanzjarju miksub mill-PBS f'din il-ħidma kummerċjali huwa parti mill-pjan ħolistiku tal-kumpanija biex tissoda l-bażi finanzjarja tagħha u ttejjeb dejjem aktar is-sostenibbiltà tagħha," kompliet tgħid il-PBS.
Il-Bord kompla billi rringrazzja wkoll liċ-Chief Executive Officer Anton Attard li implimenta l-vizjoni doppja tal-kumpanija għall-produzzjoni televiżiva tal-ogħla kwalità li laħqet 'il fuq minn 200 miljun telespettatur, kif ukoll għal dan ir-rizultat finanzjarju pożittiv.