‘Il-Gvern qed jimxi bil-mod wisq fuq is-settur tal-housing’

Nifhem il-weġgħa, iżda dawn diffiċli tirremedjahom fl-immedjat mingħajr ma toħloq kaos - Deo Debattista

Mal-ILLUM, Mifsud Bonnici sostniet li l-Gvern mhux qed joħloq skemi ġodda li jgħinu persuni li ma jifilħux iħallsu jkollhom akkomodazzjoni. “Għalkemm l-iskema li ħabbar il-Gvern, jiġifieri dik tal-First Time Buyers hija waħda pożittiva, xorta hemm min ma jaffordjax jixtri post anke meta tneħħi l-boll u tiffranka sa €5,000.” L-ILLUM tfakkar lil Mifsud Bonnici iżda, li fl-aħħar baġit dan il-Gvern ħabbar proġett ta’ €50 miljun li se jmorru kollha f’housing soċjali.

“Imma dawk il-50 miljun fl-arja għadhom. Huwa proġett pożittiv, ħa nkunu ċari, imma huwa investiment li għadu lanqas biss beda.” Mifsud Bonnici tfakkar lil din il-gazzetta li dan il-proġett mhux se jkun qed isir mill-Awtorità tad-Djar, imma minn kumpanija, “li s’issa għadha lanqas biss ġiet iffurmata.”

Id-Deputata Nazzjonalista spjegat kif fil-fatt, il-lista ta’ stennija f’dan il-qasam hija ta’ 3,000 persuna li skont Mifsud Bonnici tfisser li kien hemm ‘splużjoni’ fin-numru ta’ nies ifittxu djar jew proprjetà issusidjata mill-Gvern. Hija tgħid li minkejja li l-Partit Laburista kellu ż-żmien kollu biex jipprepara l-pjan tiegħu għal dan il-qasam, “s’issa falla, u l-aktar li qed jintlaqtu ħażin huma dawk li ma jifilħux iħallsu u li m’għandhomx mezzi.”

Imma l-PN x’qed jipproponi eżattament? Pronta Mifsud Bonnici tfakkar li taħt Gvern Nazzjonalista kienu saru skemi apposta li kienu jgħinu lin-nies, “liema skemi,” kompliet tgħid, “ma baqgħux isiru.” Hija tfakkar kif permezz ta’ skema partikolari xerrej seta’ jixtri parti mill-proprjetà tiegħu, “biex imbagħad meta jħossu komdu biżżejjed iħallas il-kumplament.”

Deo Debattista – Inġustizzji, impjiegi mal-Gvern u ‘housing’     

Hemm min iħoss li fil-passat saret inġustizzja miegħu u li għandu dritt għal xi ħaġa. Issa dan id-dritt jista’ jkun ġust imma jista’ jkun ukoll immaġinarju. Ilment komuni huwa dwar inġustizzji fi promozzjonijiet. Nifhem il-weġgħa, iżda dawn diffiċli tirremedjahom fl-immedjat mingħajr ma toħloq kaos. Ilmenti oħra huma dwar nies li jkunu jridu impjiegi mal-Gvern. Hawnhekk jista’ jkollok element ta’ mentalità kolonjali, fejn in-nies jaħsbu li impjieg mal-Gvern huwa komdu.

L-akbar problema llum hi dik tal-‘housing’ soċjali u din għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Hemm faxex ta’ nies li mhux qed ilaħħqu mal-kirjiet jew prezzijiet tal-proprjetà bħalissa u dan qed joħloq pressjoni u talba qawwija għal housing soċjali. Din hija sfida kbira għall-Gvern u għall-partit bħalissa.

Etienne Grech – Naqra aktar attenzjoni tista’ tagħmel id-differenza 

Ħafna drabi kull ma jkunu jridu hu li l-każ tagħhom jingħata l-attenzjoni, bħal per eżempju xi ħadd li jkun fuq ‘waiting list’ għal operazzjoni li tkun se ssir xhur wara meta jkollu uġigħ kbir. F’każ bħal dan, wieħed ikun irid jara jekk hux possibbli li l-operazzjoni ssir qabel.

Irridu nibdlu l-mentalità minn gvernijiet tal-passat meta n-nies kienu jippretendu favuri mill-Gvern. Jeħtieġ li ngħidu ‘le’ għal ċerti affarijiet. Min jilmenta dwar inġustizzji li saru fil-passat jista’ jieħu l-ilment tiegħu lill-‘Grievances Board’ u aħna nservu ta’ gwida.

Il-‘housing’ soċjali hija problema kbira. Hemm bosta nies fuq waiting list twila u m’hemmx biżżejjed djar għalihom. Il-Gvern qed jindirizza din il-problema u ddedika €50 miljun biex jinxtraw djar li bħalissa mhux okkupati.

Silvio Schembri – Ma nistgħux nibqgħu b’dipartimenti li jwaqqfuna milli nirranġaw inġustizzja 

Definittivament, waħda mill-akbar problemi fost dawk li jkellmuni huwa l-qasam tal-‘housing’ soċjali. Hemm bosta votanti li jħossu li saret inġustizzja magħhom meta post tal-Gvern ingħata lil uħud li kellhom il-mezzi u mhux lilhom, li m’għandhomx. Il-problema hi li dan il-Gvern sab settur tal-‘housing’ mingħajr postijiet vojta. Veru li se ninvestu €50 miljun biex nibnu iktar postijiet, imma dan il-proġett mhux se jsir mil-lum għal għada.

Hemm diversi Laburisti li ġustament jitkellmu dwar inġustizzji. U hawn nixtieq nesiġi li ma jistax jibqa’ jkollna dipartimenti li jagħmluha diffiċli li nirranġaw inġustizzja. Ġieli ġew każi ta’ persuni li kienu ilhom jaħdmu f’post tax-xogħol 20 sena u allajbierek, qatt ma messhom promozzjoni. Dan filwaqt li oħrajn kienu qed jieħdu promozzjoni fuq oħra.

Silvio Parnis – Il-housing hija waħda mill-akbar sfidi 

Il-maġġoranza ta’ dawk li niltaqa’ magħhom fid-djar ma jkollhomx xi lmenti partikolari. Imma minn dawk li jiġu għandi l-uffiċċju l-aktar ilmenti li niltaqa’ magħhom jirrigwardaw ‘housing’ u wlied b’ġenituri li qegħdin f’dar tal-anzjani. Il-‘housing’ huwa problema kbira. Hemm ħafna nies li qed imorru għand il-banek u li dan mhux qed isellifhom flus. B’konsegwenza ta’ dan, jispiċċaw jikru u l-kirjiet illum qed jogħlew ukoll, jiġifieri anke l-kiri m’għadux daqshekk affordabbli. Din hija waħda mill-akbar sfidi tal-Gvern.

Imbagħad ikollok ukoll problemi ta’ wlied li jkunu jridu jdaħħlu lill-ġenituri tagħhom f’xi ‘home’ kif ukoll dawk li jitolbuk xi impjieg mal-Gvern. Ikun hemm min jgħidlek biex jidħol il-Freeport jew ikun watchman. Naturalment dawn il-ftit jeħtieġ jifhmu li d-dinja nbidlet u l-bżonn li jkollok messaġġier naqas drastikament. Imma nista’ nassigurak li minkejja li jeħtieġ li nieħdu ħsieb l-ilmenti ta’ kulħadd, l-ilmenti ġejjin minn nukleu żgħir ta’ attivisti. Nazzarda ngħid, madwar 2% tal-attivisti. 

“Il-Gvern, sal-lum ħadha wisq bil-mod biex jibda jwettaq il-bidliet fis-settur tal-housing soċjali.” Dan sostnietu mal-ILLUM id-Deputata Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici. Hi kienet mitluba tikkumenta dwar il-fatt li jidher li dan is-settur qed iwassal għal bosta lmenti fost oqsma differenti ta’ nies, kif jixhdu l-erba’ Deputati Laburisti li tkellmu ma’ din il-gazzetta (ara paġna 7).

 

More in Socjali