F’Malta mietu b’kollox 47 persuna kawża ta’ overdose ta’ droga.
Dan qalu l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela li f’risposta għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Silvio Schembri, qal li bejn l-2005 u Ottubru tal-2015, mietu 39 raġel u tmien nisa kawża ta’ overdose.
L-iktar snin li ħallew vittmi kienu 2007 u 2012 wara li kien ġie rrapurtat li mietu tmien persuni b’kawża ta’ overdose. Skont ċifri ppreżentati fil-parlament, tul dawn l-aħħar għaxar snin, żewġ żgħażagħ taħt it-18-il sena mietu.
Aktar minn hekk, il-maġġoranza tal-mejta kienu dawk ta’ bejn it-18 u d-29 sena, u dawk ta’ bejn it-30 u d-39 sena. Tul l-istess snin, kien hemm ukoll raġel wieħed ‘l fuq minn 60 sena li miet kawża ta’ overdose ta’ droga, filwaqt li kien hemm ħames tfajliet ta’ inqas minn 30 sena li mietu.
Skont l-istatistika, fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena ma kien hemm l-ebda mewta kawża ta’ overdose.