Kunċert mibjugħ kollu, in-nies jarawh b'xejn minn Pjazza Teatru Rjal

Pjazza Teatru Rjal se turi l-kunċert b'xejn għal min ma laħaqx biljett

Il-biljetti tat-tielet kunċert inbiegħu kollha ġimgħa qabel il-kunċert. Ħafna baqgħu jitolbuna l-biljetti. Allura fl-aħħar lejl, fis-27 ta’ Awwissu, għall-ewwel darba, Pjazza Teatru Rjal se tiġi estiża għall-pjazza kollha. Se narmaw screen kbir u qed inħeġġu n-nies li m’għandhomx biljett jiġu jaraw il-kunċert minn barra b’xejn. 

Kelma Kelma Nota Nota hu proġett ta’ Daniel Cauchi, Ray Calleja u Michael Spagnol li, bħalma jixhed ismu, ilaqqa' żewġ dinjiet marbutin sfiq ma' xulxin: id-dinja tal-mużika tradizzjonali u kontemporanja bil-Malti u d-dinja tal-lingwa u l-letteratura 

Maltija. It-tir tagħna hu doppju. Qabelxejn, li niftakru u nfakkru kanzunetti, poeżiji, makkjetti u taqbiliet—li wħud minnhom bħal donnhom intesew—u nerġgħu nagħtuhom il-ħajja fuq il-palk b'arranġamenti u b'laqtiet moderni. It-tieni għan hu li nsawru kanzunetti u kitbiet ġodda biex inkomplu dan il-vjaġġ mużikali u letterarju li bdew ta' qabilna. 

Dan is-sajf diġà tellajna żewġ kunċerti: Kunċert tal-Qaddisin f’Ġunju u Koffee Morning f’Lulju. It-tielet wieħed, Kieku d-Dinja Kienet Maltija, se jsir fil-25, is-26 u s-27 ta’ Awwissu. Fih nerġgħu naraw dan iż-żwieġ interessanti tal-kliem man-noti, tal-qadim mal-modern, tas-serju mal-komiku. F’dan il-kunċert, fost ħafna kant, daqq u logħob bil-kliem, nippruvaw għal lejla waħda nimmaġinaw dinja kollha kemm hi bajda u ħamra. Ir-riżultat diffiċli tesprimih bil-kliem. 

Minbarra l-kant ta’ Daniel Cauchi u l-mużika tal-Big Band Brothers, ir-reċtar ta’ Ray Calleja u l-kitbiet ta’ Michael Spagnol, għal dan l-ispettaklu se jkollna wkoll l-enerġija tal-grupp hip hop Marmalja u l-vuċi sabiħa tal-kantanta żagħżugħa Brooke Borg. 

Din l-inizjattiva qed issir bis-saħħa tal-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, tal-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fondazzjoni Valletta 2018, Pjazza Teatru Rjal, Chogm Malta 2015, u Nenu The Artisan Baker.

More in Socjali