Sistema elettronika ġdida ta' notifikazzjoni għall-kawżi quddiem it-tribunali lokali

Is-sistema tibda' topera mill-15 ta' Lulju

Il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo
Il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo ħabbru li mill-15 ta’ Lulju, 2015 se tiddaħħal sistema elettronika ġdida fuq bażi volontarja fejn jidħlu l-kawżi kollha quddiem it-Tribunali Lokali ta’ pajjiżna.

Din is-sistema se toffri benefiċċji importanti għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin.  Dan mingħajr ma timponi ebda spejjeż ġodda fuq iċ-ċittadini.

Il-Ministru Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Buontempo sostnew li dan hu l-pass ‘il quddiem għal servizz aħjar u li jkompli ma’ lista sħiħa ta’ miżuri li ttieħdu kemm fil-kamp tal-ġustizzja u kemm fil-kamp tal-kunsilli lokali biex tiżdied l-effiċjenza.

Bis-sistema l-ġdida, il-familji u n-negozji ser jingħataw opportunità li, jekk iridu, jiġu infurmati permezz ta’ email u sms meta jkunu wettqu kontravenzjoni u mhux iktar bis-sistema tradizzjonali.

Is-sistema tfasslet b’mod li kull min japplika jiġi mfakkar biex iħallas iċ-ċitazzjoni bil-għan li wieħed jevita li jeħel multi addizzjonali.

Min japplika, se jkun qed jirċievi notifikazzjonijiet diversi matul il-proċess, inkluż meta se jseħħ is-smiegħ fit-tribunal, meta tingħata s-sentenza mit-tribunal u wkoll tinforma lill-utent jieħu prekawzjonijiet neċessarji f’każ li l-multa ma titħallasx.

Vantaġġ ieħor hu li min jabbona ma’ din is-sistema se jevita li ismu jidher f’xi waħda mill-gazzetti lokali f’każ li hu ma nstabx id-dar meta l-uffiċjal awtorizzat ikun ġie biex jinnotifikah bis-smiegħ tal-kawża.  Dan hu pass ‘il quddiem favur il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data tal-individwu.
Is-servizz se jkun qed joffri wkoll il-possibiltà li jitħallsu pagamenti multipli u li tintbagħat ukoll petizzjoni online.  Il-proċess se jkun ukoll wieħed li jirrispetta l-ambjent għaliex se jevita stampar ta’ karti u riferti bil-posta.

Il-kumpaniji li jkollhom diversi karozzi se jkunu jistgħu wkoll jiddelegaw persuni partikolari biex ikunu responsabbli għal kontravenzjonijiet kif ukoll iżommu rekords fuq kull karozza reġistrata.

Biex japplika, kull min hu interessat irid jirreġistra fuq is-sit elettroniku www.les.gov.mt u jikkonferma li jixtieq li jkun parti minn dan il-process elettroniku.  Madankollu, min ma jixtieqx jabbona f’din is-sistema, u jippreferi s-sistema eżistenti, din se tibqa’ kif inhi llum.

More in Socjali