Ċentru tat-taħriġ fil-kura tal-anzjani f'San Vinċenz De Paul

Jibbenefikaw 1,200 ħaddiem minn taħriġ fis-setturi tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità

Waqt l-inawgurazzjoni
Waqt l-inawgurazzjoni

Illum ġie inawgurat ċentru għat-taħriġ fil-kura tal-anzjani f’San Vinċenz de Paul, proġett parzjalment iffinanzjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg inawguraw dan iċ-ċentru ta’ taħriġ, li huwa attrezzat għat-taħriġ tal-ħaddiema.

Justyne Caruana qalet li dan huwa pass ieħor biex San Vinċenz jiġi trasformat f’Ċentru ta’ Eċċellenza fit-taħriġ fil-kura tal-anzjani bħala parti wkoll mill-eżerċizzju tar-rebranding. Ilum it-taħriġ mogħti ġie kkreditat mill-QRIC u mill-Università ta’ Malta u dan juri l-impenn tal-Gvern li jkollna riżors uman imħarreġ biex inkomplu ntejbu l-kwalità ta’ servizzi li nagħtu lill-anzjani tagħna. Spjegat kif il-proġett tal-llum huwa parti minn proġett ikbar li permezz tiegħu 1,200 ħaddiem qed jiġu mħarrġa fil-qasam tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, b’ringrazzjament speċjali lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg tal-għajnuna tiegħu biex setgħu jittieħdu dawn il-fondi għal dan il-proġett tant importanti u awgurat għall-iktar kollaborazzjoni f’dan is-sens għall-proġetti li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg wera sodisfazzjon doppju għall-fatt li r-Residenza ta’ San Vincenz issa għandha verament ir-rieda li tagħmel qabża fil-kwalità. Dan huwa rifless mill-fatt li għall-ewwel darba, din ir-residenza qiegħda tersaq ’il quddiem sabiex tibbenefika minn Fondi Strutturali (Ewropej). Huwa spjega kif sa sentejn ilu din ir-residenza ma kienet ibbenefikat minn ebda ċentezmu - iżda issa matul dawn is-sentejn qed jiġu implimentati b’xejn inqas minn 2 miljun ewro b'mod orizzontali fil-qasam tat-taħriġ għall-ħaddiema u l-użu tal-enerġija fir-residenza.

Borg temm jgħid li jinsab ottimist għall-futur, u dwar kif din ir-Residenza ta’ San Vincenz se tkun fuq quddiem nett sabiex timplimenta proġetti akbar permezz ta’ Fondi Ewropej u dwar kif se tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

More in Socjali