Il-Bank Ċentrali jirrevedi 'l fuq mill-ġdid it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku

Il-Bank Ċentrali għolla t-tbassir tiegħu b'0.8%

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta, fl-aħħar rapport ekonomiku tiegħu, qed ibassar li din is-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber bi 3.6%. Sa Diċembru li għadda, il-Bank Ċentrali kien qiegħed ibassar tkabbir ekonomiku ta’ 2.8% biss għall-2015.

Dan ifisser li, f’inqas minn sitt xhur, l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali ħassew li għandhom jgħollu t-tbassir tagħhom b’0.8 punti perċentwali iktar. Din ir-reviżjoni pożittiva hija dovuta għal diversi fatturi.

Fost oħrajn, il-Bank Ċentrali issa qed jistenna li l-investiment privat mistenni jgħola bi 12.3% matul l-2015, minkejja li s-sena li għaddiet diġà kellna tkabbir ta’ 14%. Iż-żieda fl-investiment mistennija tirrifletti l-influss ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, il-proġett tal-power station kif ukoll żieda fl-attività ta’ kostruzzjoni.

L-esperti tal-Bank Ċentrali għollew ukoll il-previżjonijiet tagħhom għat-tkabbir fl-impjiegi u dan wassalhom biex itejbu r-rata ta’ tkabbir tal-konsum privat. B’riżultat ta’ hekk, id-domanda domestika issa mistennija tiġġenera 1.5 punti perċentwali aktar żieda fil-ġid nazzjonali milli kien imbassar sitt xhur qabel. Fost il-fatturi wara ż-żieda fil-konsum, l-esperti tal-Bank Ċentrali jsemmu l-impatt pożittiv tat-tnaqqis tar-rati tal-income tax.

Is-sena 2015, minbarra li se jkollha rata tajba ta’ tkabbir ekonomiku, mistennija wkoll tkun karatterizzata minn inflazzjoni baxxa, 1.1%, kif ukoll minn rata ta’ qgħad li se tibqa’ qrib il-minimu storiku ta’ 5.7%. Fl-istess ħin, l-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li d-dejn nazzjonali se jkompli jonqos għal 66.9% filwaqt li d-defiċit għall-ewwel darba f’diversi snin se jkun taħt it-2%. Il-pagi se jogħlew b’aktar milli żdiedu din is-sena, u minkejja dan il-bilanċ tal-pagamenti ta’ pajjiżna se jkompli jkun pożittiv.

It-tbassir tal-Bank Ċentrali huwa konferma oħra tas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-Gvern fi stqarrija qal li "jemmen li pajjiżna fadallu aktar potenzjal x’jilħaq. Huwa għalhekk li, fix-xhur li ġejjin, se jiżdied l-impenn biex jiġi attirat aktar investiment f’pajjiżna u biex ikompli jitjib il-poter tal-akkwist tal-familji tagħna."

More in Socjali