Hekk kif bħalissa għaddejja l-kampanja ta’ informazzjoni mill-operatur tat-trasport pubbliku rigward is-servizz tat-trasport pubbliku, il-Ministru Joe Mizzi ħabbar it-tnedija tar-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku f’Għawdex. Dawn ir-rotot, li f’Għawdex se jibdew minn nhar il-Ħadd 21 ta’ Ġunju, qed jidħlu gradwalment sabiex jilħqu jindraw mill-pubbliku.
Ir-rotot il-ġodda huma riżultat ta’ diversi laqgħat u konsultazzjonijet li saru kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kunsilli Lokali. Fuq kollox, dawn il-konsultazzjonijiet saru direttament mal-poplu Malti u Għawdxi li juża s-servizz. It-tibdil li ġie inkluż fir-rotot ta’ Għawdex jinkludi żieda annwali ta’ 96,403 kilometri fis-sena, kif ukoll żieda ta’ 4 karozzi tal-linja mal-10 li hemm illum. B’hekk is-servizz il-ġdid issa se jopera b’14 il-vettura, tibdil jew estensjoni ta’ 6 rotot eżistenti u żieda fil-frekwenza jew tibdil fil-ħinijiet ta’ 8 rotot. Kien hemm ukoll żieda ta’ 34 bus stop ġdid, sabiex b’hekk in-numru ta’ bus stops f’Għawdex jitla’ għal 335.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li r-rotot il-ġodda bdew minn Għawdex għax jemmen li s-servizz tal-linja f’Għawdex permezz ta’ dawn it-tibdiliet se jkompli jissaħħaħ, u l-poplu Għawdxi u t-turisti li jżuruh se jkunu moqdijin aktar minn qatt qabel issa li beda dieħel is-sajf.
Bħala parti mill-kampanja ta’ informazzjoni, Transport Malta qed tqassam ktejjeb ta’ informazzjoni fid-djar Għawdxin kollha sabiex tispjega it-tibdiliet li saru, u li jinkludi wkoll lista tar-rotot u l-iskedi kollha.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, qal li l-aħħar ġimgħa kienet waħda b’diversi inizjattivi fis-servizz tat-trasport pubbliku hekk kif għadu kif tħabbar traħħis minn €6.50 għal €2 fin-noll, kemm għal dawk li għandhom il-Blue Badge kif ukoll issa anke għal dawk li għandhom il-Yellow Disability Badge. Din il-ġimgħa tħabbar ukoll li 40 karozzi tal-linja ġdida se jaslu f’Lulju, filwaqt li 102 oħra se jaslu matul is-sajf.