Klinika ġdida għall-fibromyalgia fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana

Il-klinika se toffri appoġġ u assessjar lill-pazjenti biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja normali

Fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana nfetħet klinika ġdida tal-fibromyalgia, bil-għan li tgħin u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti affettwati b’din il-kundizzjoni.

Dan tħabbar aktar kmieni llum, mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, fejn anke esprima l-gratitudni tiegħu lejn tim iddedikat ta’ nies li ħadmu biex din il-klinika ssir realtà. Fearne qal li din il-klinika se tkun qed toffri opportunità reali ta’ għajnuna u riferiment lill-dawk kollha li għandhom fibromyalgia wara li jkun sar id-dijanjosi.

Il-klinika se titmexxa minn tobba ttrenjati taħt is-superviżjoni ta’ konsulenti tar-rewmatoloġija, il-klinika għandha l-għan li toffri appoġġ u assessjar lill-pazjenti bil-fibromyalgia biex jgħixu ħajja normali.

It-twaqqif ta’ din il-klinika sar wara li s-sena li għaddiet, id-Dipartimemt tas-Saħħa rrikonoxxa l-fibromyalgia bħala marda kronika. Pazjenti b’din il-kundizzjoni issa jistgħu wkoll igawdu minn mediċini b’xejn li qegħdin fil-formolarju tal-gvern u li jistgħu jinġiebu bil-kartuna s-safra.

Il-klinika tal-fibromyalgia fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana se tibda tkun miftuħa kull nhar ta’ Ġimgħa mis-13.00 sas-18.00. Il-ħsieb hu li l-kliniċi speċjalizzati tal-fibromyalgia jkunu jistgħu jitwaqqfu f’ċentri tas-saħħa oħra.

Ruth Debono, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Fibromyalgia qalet li l-ftuħ ta’ din il-klinika huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba. Hi qalet li pazjenti b’din il-kundizzjoni għandhom bżonn punt ta’ riferiment u trattament aktar individwali li issa se jkun possibbli grazzi għal din il-klinika.

Is-Segretarju Parlamentari Fearne rringrazzja lill-istaff kollu tad-Dipartiment tar-Rewmatoloġija fl-Isptar Mater Dei u lil dawk kollha fis-settur tal-Kura Primarja li ħadmu qatigħ biex din il-klinika ssir realtà. “Mingħajr id-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies ma konniex inkunu hawnhekk illum,” qal Fearne.

Tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qiegħed isir mid-Dipartiment tal-Kura Primarja biex jiżdiedu n-numru ta’ servizzi offruti miċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ, bħall-kliniċi speċjalizzati tal-kardjoloġija fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u l-Mosta u servizzi ta’ ġibs (plaster services) li qegħdin ikunu provduti fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana, Mosta u Raħal Ġdid.

More in Socjali