Jekk l-UE mhux ħa tagħti l-appoġġ tagħha, l-Italja ħa ddur għal 'pjan B' - Matteo Renzi

Mistennija aktar diskussjonijiet dwar l-immigrazzjoni fl-UE

L-Italja qed twissi li jekk il-pajjiżi l-oħra tal-UE mhux ħa jagħtuha l-appoġġ tagħhom fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, ħa jkollha ddur għal dak li l-Prim Ministru Taljan sejjaħ bħala "Pjan B", li permezz tiegħu sostna li "l-ewwel u qabel kollox se jweġġa' l-Ewropa."

Intant il-ministri tal-affarijiet interni tal-pajjiżi tal-UE se jerġgħu jiddiskutu x'għandha tkun is-soluzzjoni għall-eluf ta' immigranti li qed jidħlu fl-Ewropa kull sena. Id-diskussjonijiet fil-Lussemburgu beħsiebhom iduru mal-proposta li fiha l-immigranti jitqassmu bejn l-istati membri kollha.

Iżda l-pajjiżi tal-lvant kif ukoll tat-tramuntana tal-Ewropa qed jargumentaw li l-immigranti m'għandhomx jiġu sfurzati jgħixu f'pajjiżi li ma jridux jgħixu fihom.

Franza u l-Ġermanja, skont il-kriterji li bihom kieku jitqassmu l-immigranti, se jospitar 30% tar-refuġjati rilokati. Huma talbu li għandu jkun hemm "qsim tal-piz aktar ġust."

Intant Franza rrifjutaw li jdaħħlu immigranti li kienu se jaqsmu mill-Italja għal Franza. Renzi kellu kliem ħarex għal dak li qed jiġri. Iddeskriva dan kollu bħala "atteġjament muskolari" minn pajjiżi li huma suppost ħbieb, fejn qal li "il-kwistjoni tal-immigranti hija waħda kumplessa li trid tiġi ġestita bis-solidità ta' pajjiż, tagħna, li ma jistax iħalli li Franza jkollha l-bastimenti fil-Mediterran imbagħad tħalli l-immigranti fl-Italja."

Bosta immigranti qed jitwaqqfu milli jidħlu Franza hekk kif bdew jipprovaw jaqsmu mill-belt taljana ta' Ventimiglia, fejn hemm ukoll immigranti li twaqqfu milli jaqsmu mill-belt ta' Bolzano għall-Awstrija.

"It-twaqqif tax-Schengen għal ftit jiem qed iżżommhom hawn, imma l-Italja mhix id-destinazzjoni tagħhom," saħaq Renzi.

 

More in Socjali