L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal li l-Ewropa għandha sfida kbira fil-qasam tal-immigrazzjoni għax eluf ta’ nies iridu jidħlu fl-Ewropa. Dan iċ-ċaqliq jirrifletti kriżi umanitarja kbira u qed joħloq anke problemi ta’ sigurtà.
Fil-preżent m’hemmx biżżejjed programmi jew mekkaniżmi li jindirizzaw dan il-fenomenu. Huwa u jitkellem fuq l-istazzjon televiżiv Grieg NERIT, fejn qal li l-ikbar problema hija l-mod kif qed tkun indirizzata din is-sitwazzjoni għax mhux qed tħalli wisq lok għall-kontroll. Il-kontroll irid ikun parti minn pjan ħolistiku u jrid jinkludi l-pajjiżi li minnhom ġejjin l-immigranti.
L-immigranti għandhom bżonn jittamaw li jistgħu jgħixu ħajja tajba f’pajjiżhom. Bħalissa għad m’hemmx azzjoni politika reali f’din id-direzzjoni, azzjoni politika li trid timxi pari passu ma’ dik li tiġġieled lill-gruppi kriminali traffikanti tan-nies.
Mistoqsi minn NERIT dwar kemm hi effettiva li jkollna Ewropa qisha fortizza, Sant qal li minħabba n-nuqqas ta’ awtorità li hemm fl-Afrika ta’ Fuq, il-Libja mhux qed titmexxa b’mod tajjeb u ma tistax titqies bħala stat stabbli li jħaddem awtorità statali.
Sant jemmen li għandu jkun hemm imblokk fl-Afrika ta’ Fuq, mhux fis-sens li ma jitħallewx jidħlu u joħorġu l-vapuri – imblokk fis-sens li dgħajjes li ma jkunux xierqa għall-vjaġġi jiġu mwaqqfa u ordnati jerġgħu lura. Dan jista’ jsir eżatt barra mill-ibħra Libjani jew anki f’ibħra Libjani stess. Pjanijiet bħal dawn għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm is-sitwazzjoni fil-Libja tistabillizza ruħha. Imbagħad l-Unjoni Ewropea bħala stat tkun tista’ tagħmel arranġamenti mal-Istat tal-Libja, qal Sant lill-istazzjon televiżiv Grieg.