Żewġ Santwarji Nazzjonali

L-Isqof Grech jitlob lill-Arċisqof Scicluna jbierek mużajċi ġodda minnfloku

L-Isqof Grech jitlob lill-Arċisqof Scicluna jbierek mużajċi ġodda minnfloku
L-Isqof Grech jitlob lill-Arċisqof Scicluna jbierek mużajċi ġodda minnfloku

“F’att solenni tagħha l-Konferenza Episkopali Maltija tħabbar li s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex u dak tal-Madonna tal-Mellieħa f’Malta huma ż-żewġ Santwarji Nazzjonali ta’ pajjiżna”.  Dan ħabbru l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, President tal-Konferenza Episkopali Maltija, waqt l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof Metropolita ta’ Malta, fid-Djoċesi ta’ Għawdex.  (Għalkemm dawn iż-żewġ siti Marjani ilhom meqjusa bħala santwarji nazzjonali, sa issa ma kien hemm l-ebda digriet uffiċjali tal-Konferenza li jikkonferma dan.)

Ilbieraħ l-Arċisqof Scicluna ġie mistieden imexxi Quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu, fejn miegħu, flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex, ikkonċelebraw il-kappillani u l-kleru Għawdxi.  Qabel il-Quddiesa, fil-5.15pm, l-Arċisqof Scicluna mexxa r-rit tat-tberik tat-tliet mużajċi ġodda ta’ Marco Ivan Rupnik sj li dan l-aħħar twaħħlu mal-faċċata tas-Santwarju.  F’kelmtejn ta’ merħba, l-Isqof ta’ Għawdex irringrazzjah tal-preżenza tiegħu u wiegħdu t-talb tal-Knisja f’Għawdex fil-bidu tal-ministeru episkopali tiegħu, waqt li rrikkmandah fl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, li l-Arċisqof Scicluna għandu tant għal qalbu. 

F’ġest tassew simboliku u mhux previst mill-programm imħabbar, l-Isqof Grech talab lill-Arċisqof Scicluna jbierek hu floku l-mużajċi l-ġodda, biex dan ukoll jibqa’ sinjal tal-komunjoni taż-żewġ Djoċesijiet f’riġlejn Marija.  Qabel it-tberik, Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju, ta spjega ħafifa tas-simboliżmu teoloġiku ta’ dawn l-opri ġodda ta’ arti sagra.

Fl-omelija tal-Quddiesa, l-Arċisqof ta’ Malta sellem lil “ħuti Għawdxin” u radd ħajr lill-Isqof Mario għall-kliem ta’ merħba tiegħu f’dan is-Santwarju Nazzjonali Marjan. 

 

 

More in Socjali