
Kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar għall-ħaddiema tad-Detenzjoni
Iffirmat ftehim settorjali bejn il-Gvern u l-GWU

More in Socjali
Iffirmat ftehim settorjali bejn il-Gvern u l-GWU
Dalgħodu ġie ffirmat għall-ewwel darba ftehim settorjali mal-ħaddiema tas-Servizzi tad-Detenzjoni bejn il-Gvern u l-General Workers Union fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela. Dan il-ftehim se jwassal sabiex isir titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru Abela spjega kif grazzi għal dan il-ftehim, kull wieħed mill-160 uffiċjal tad-detenzjoni ser ikun qed jingħata taħriġ formalizzat, prospett ta' avvanz fil-karriera u titjib fil-pakkett finanzjarju. Filfatt minn sistema fejn kull uffiċjal ikun fi skala waħda mingħajr l-ebda opportunità ta' avvanz, dan il-ftehim jippermetti qafas strutturat ta' erba' gradi differenti li jvarjaw fi skali differenti kif ukoll progress fl-istess skala.
“Dan juri biċ-ċar l-impenn tal-Gvern biex iżomm fuq quddiem nett, id-drittijiet tal-ħaddiema", qal Abela. Huwa semmà li sabiex jiġi assigurat lis-servizz ta' dawn il-ħaddiema jiġi utilizzat bl-aħjar mod possibli matul is-sena kollha, dan il-ftehim jippermetti wkoll flessibilita' fid-dmirijiet taghhom. Dan il-ftehim huwa wkoll immirat biex jagħti lil dan il-qasam id-dinjita xierqa u jgħolli l-moral u l-motivazzjoni tagħhom. Pass li juri rikonoxximent lejn is-servizz ċmogħti minn dawn il-ħaddiema fil-qasam tal-immigrazzjoni li diversi drabi jaħdmu f' ċirkostanzi difficli. "L-investiment fir-riżors uman huwa prijorita' u ser jibqa prijorita' għaliex nemmnu fis-servizz leali lejn il-pajjiz. B' ħidma kontinwa qed nuru li l-valur tax-xogħol tal-ħaddiema huwa valur li dejjem għandu jiġi apprezzat", temm jgħid l-Onorevoli Abela.
Min naħa tiegħu s-Segretarju Generali tal-General Workers Union, is-Sur Josef Bugeja tkellem fuq is-serħan tal-moħħ li ser jingħataw l-uffiċjali tad-detenzjoni fejn mhux ser jibqgħu ikollhom aktar kundizzjonijiet prekarji fejn il-kuntratt tagħhom ikun imġedded bil-ġimghat. B'hekk huma wkoll ser jibbenefikaw minn xogħol ta' natura definittiva.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta' Nazzjonali rringrazzja lil General Workers Union tas-servizz tagħha filwaqt li semma' kif dan il-Gvern jemmen fl-importanza tal-Unions ħalli flimkien inkomplu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.