Il-MEPA ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika politika tal-ippjanar speċifika għas-sit li bħalissa hemm fih il-Lukanda tal-Palazz ta’ Selmun fil-Mellieħa.
Dan qed isir sabiex dan is-sit turistiku ewlieni ma jaqax f'abbandun u jkun hemm ukoll il-possibiltà ta' żvilupp biex jagħti ħajja ġdida lis-sit.
Il-MEPA qed tinsisti li dan is-sit għandu jibqa għall-użu turistiku u tiffavorixxi r-rijabilitazzjoni tal-binjiet tal-lukanda eżistenti jew l-iżvilupp mill-ġdid, sakemm it-tqassim iżomm l-orjentazzjoni tal-binja tal-lukanda eżistenti.
Il-bini ta' parti ġdida tiġi kkunsidrata jekk din tibqa fi ħdan iż-żona indikata. Fl-istess waqt, disinn kompletament ġdid minn kif inhi imqassma preżentement tkun ikkunsidrata biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali fejn il-prodott finali hu ta’ kwalità wisq għolja li jimmerita konsiderazzjoni avolja mhux skont il-kriterji.
Filwaqt li kwalunkwe proposta ta’ żvilupp ma tista’ qatt teċċedi l-għoli tal-binja prinċipali tal-lukanda, il-politika tinkuraġġixxi li l-apparenza tal-binja eżistenti tkun mogħnija bl-użu kreattiv ta’ elementi arkitettoniċi, skemi ta’ kuluri u materjal differenti.
Permezz ta’ din il-policy, il-MEPA qed tobbliga kull investitur potenzjali li, jirrestawra u jirrijabilita’ l-Palazz, u jagħmel kontribuzzjoni monetarja ta’ darba, ta’ somma f’daqqa, f’fond amministrat mill-Awtorita’ li għandu l-għan tat-tisbiħ ta’ aċċess pubbliku u tgawdija tal-kampanja u għall-iskol ta’ proġetti oħra għall-komunita’ fil-lokalità.