Diġà tneħħew tliet tunnellati ta' alka mill-bajjiet

Sa ġimagħtejn oħra, l-alka kollha għandha tkun tneħħiet minn fuq il-bajjiet kollha

Din is-sena id-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura neħħa mat-3,000 tunnellata ta’ alka minn fuq il-bajjiet Maltin. Ix-xogħol mid-Direttorat biex titneħħa l-alka normalment jibda minn April peress li fix-xhur tax-Xitwa l-alka sservi ta’ protezzjoni biex ir-ramel tal-bajjiet ma jinġarrx fil-baħar mal-maltemp. Huwa ppjanat li sa madwar ġimagħtejn oħra l-alka tkun tneħħiet minn fuq il-bajjiet kollha.

Barra minn hekk, fil-ġimgħat li għaddew tlestiet ukoll il-manutenzjoni tas-slielem ta’ ħdejn il-baħar kif ukoll il-manifattura ta’ slielem ġodda. Din is-sena s-slielem se jiżdiedu b’35 sellum ġdid. Dawn qed jitwaħħlu f’dawn il-ġranet, iżda minħabba li l-kundizzjonijiet tat-temp għadhom instabbli, dawn għadhom ma twaħħlux kollha. Fis-Sajf li ġej b’kollox se jkun hemm madwar 270 sellum imwaħħlin mal-kosta ta’ Malta.

Fuq il-bajjiet se jkun hemm ukoll mal-1,500 kontenitur tal-iskart, kemm dawk għall-iskart imħallat kif ukoll kontenituri għall-iskart riċiklabbli u dawk apposta biex jintefa’ l-faħam fihom.

Tajjeb wieħed ifakkar li l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura s-sena li għaddiet investa mat-300,000 ewro f’xiri ta’ makkinarju ġdid kif ukoll żied bid-doppju l-frekwenza ta’ tindif f’żoni turistiċi u f’żoni oħrajn li kienu jeħtieġu tindif addizzjonali.

Ir-riżultat ta’ din l-inizjattiva sarrfet f’inqas ilmenti mill-pubbliku kif ukoll f’żieda fil-produttività tal-ħaddiema fejn is-sena li għaddiet ġabru 14,600 tunnellata ta’ skart, żieda ta’ 33 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.

More in Socjali